Koppja minn Ħal Qormi ġiet akkużata fil-Qorti li ppruvat takkwista tlett elef ewro mingħand il-ġenituri tal-mara, billi vvintaw storja ta’ ħtif.
Darren Spiteri, ta’ erbgħa u erbgħin sena, u Graziella Francalanza, ta’ tlieta u erbgħin sena, wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti ġie spjegat mill-Prosekuzzjoni li omm il-mara marret l-għassa ta’ San Ġiljan tirrapporta li rċeviet telefonata mingħand bintha, li qaltilha li nħatfet u qed tintalab is-somma ta’ tlett elef ewro biex tiġi meħlusa.
Fit-telefonata, il-ġenituri qalu li ma kellhomx aċċess għal tlett elef ewro, iżda kellhom biss tmenin ewro fi flus kontanti.
Il-Pulizija marru fil-post fejn kien miftiehem li se jiltaqgħu biex jagħtu l-flus, fejn sabu lill-imputata, li ma kienet fl-ebda periklu.
Investigazzjonijiet ulterjuri sabu li l-akkużati kellhom l-intenzjoni li jużaw il-flus biex jixtru d-droga.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest peress li l-allegati vittmi huma anzjani u minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Il-Qorti ssuġġeriet lid-direttur tal-ħabs biex jipprovdi lill-imputati l-assistenza li għandhom bżonn biex jindirizzaw id-dipendenza tad-droga.