Raġel mis-Serbja u l-mara tiegħu, li qed tistenna tarbija, tressqu l-Qorti taħt arrest fuq akkużi ta’ dokumenti personali foloz, ftit sigħat qabel ma ntbagħtu lura pajjiżhom.
Marko Vucinic ta’ sebgħa u tletin sena u Maja Zdravkovic ta’ sebgħa u għoxrin sena wieġbu ħatja li ffalsifikaw dokumenti, bagħbsu fil-passaport tagħhom u kienu fil-pussess ta’ dokumenti foloz.
Fid-dawl li l-akkużati ammettew mill-ewwel, ikkooperaw mal-pulizija u kellhom jintbgħatu lura s-Serbja f’temp ta’ ftit sigħat, il-Qorti ddikjarathom ħatja u kkundannathom sitt xhur ħabs sospiżi għal tmintax-il xahar ħabs.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit spjegat lill-akkużati wkoll li ladarba se jkunu ripatrijati, huma ma setgħux isiefru lejn kwalunkwe pajjiż fl-Unjoni Ewropea għal tlett snin.