“Il-ħajja tagħna hija ħajja normali bħal ta’ kwalunkwe’ koppja eterosesswali oħra. Inħossu bħal ħaddieħor u nħobbu bħal ħaddieħor”. Dan huma kliem Dona u Lara, koppja omosesswali li ftit tal-jiem ilu kienu ppremjati b’żewġt itfal jiem wara li ċċelebraw iż-żwieġ tagħhom.
L-istorja tagħhom dehret dalgħodu fuq il-grupp soċjali ‘The People of Malta’, u serqet qlub l-eluf f’kemm ilni ngħidlek.Dona spjegat kif hi ammettiet ma’ familtha li hija gay meta kellha biss 17-il sena, u li din ma kienet faċli xejn.
“Kont nipprova nġib ruħi ta’ tifla biex niġi aċċettata mis-soċjeta’. Għalkemm meta kont żgħira dejjem kont f’relazzjoni ma’ subien, qatt ma kont inħossni komda. Minn hemm bdejt noħroġ bil-moħbi ma’ persuni femminili”.
Qalet li wara ftit, id-destin ried li tiltaqa’ ma’ Lara, u fis-6 ta’ Ġunju li għadda ingħaqdu fiż-żwieġ.
“6 ijiem wara, il-bambin ippremjana b’żewġt itfal. Sa ftit snin ilu qatt ma kont nimmaġina li tista’ tiġri. Kienet biss ħolma. Ma kinitx sitwazzjoni faċli għat-tnejn li aħna minħabba l-fatt li t-tfal ġew xahrejn qabel u kienu nżammu l-isptar għal madwar 40 jum. Naħseb li konna vera fortunati li kellna t-tfal, imħabba li m’hemmx kliem għaliha. Nixtieq biss li t-tfal tagħna jikbru u jkunu iktar tolleranti lejn il-preġudizzji tal-ħajja għax l-umani huma kollha maħluqa l-istess mingħajr differenza”.
“Waħda mill-beżgħat li għandi li għada pitgħada t-tfal jiġu ‘bullied’. Nemmen li bl-imħabba li se nagħtuhom u trobbija tajba u l-edukazzjoni, it-tfal ikunu kapaċi jegħlbu dawn it-tip ta’ diffikultajiet. Nafu li mhux faċli, imma nemmnu li bl-imħabba tirbaħ kollox. Illum hemm id-drittijiet u s-soċjeta’ qed tinbidel. Bħalna hawn madwar 60 koppja. It-tfal huma innoċenti. Iktar nibżgħu li l-aġir li jista’ jinħoloq kontra tfal bħal tagħna jkun ġej mill-ġenituri tagħhom stess u mhux mill-innoċenza tat-tfal.”
“Ħafna nies jiġġudikaw il-fatt li koppji tal-istess sess jaddottaw it-tfal iżda ma jirrealizzawx li dawn it-tfal li jiġu addottati huma tfal ta’ koppji eterosesswali li jaf jiġu abbandunati. Nixtiequ li n-nies hemm barra ma jippreġudikawx koppji bħalna. Biex wasalna s’hawn għaddejna minn bosta diffikultajiet. Nixtiequ li s-soċjeta’ tasal taċċetta nies bħalna u ma tħarisx lejna u lejn uliedna b’mod differenti għax it-tfal tagħna mhumiex differenti. Il-ħajja tagħna hija ħajja normali bħal ta’ kwalunkwe’ koppja eterosesswali oħra. Inħossu bħal ħaddieħor u nħobbu bħal ħaddieħor”, saħqu l-ġenituri kburin.