L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu laqgħat lill-koppja Rudiger Heinz u Vera Heinz li ġew Malta għas-86 darba f’dawn l-aħħar 34 sena.
Ilhom jiġu Malta mill-inqas darbtejn fis-sena mill-1984. Fl-uffiċju ewlieni tal-MTA, Rudiger u Vera rrakkontaw stejjer sbieħ taż-żjarat kollha li għamlu hawn. Per eżempju rrakkontaw kif darba minnhom riedu jixtru lumi minn bidwi Malti, li bil-bidu rrifjuta, iżda wara ftit ġie lura b’basket mimli lumi li tagħulhom bla ħlas. Minn dakinhar il-koppja u l-familja tal-bidwi Malti saru ħbieb kbar.
Il-koppja Ġermaniża jiġu Malta fir-rebbiegħa, bejn Mejju u Ġunju, u normalment idumu tliet ġimgħat. Jiġu mill-ġdid fil-ħarifa, minn Settembru sa Ottubru, għal tliet ġimgħat oħra. S’issa tul is-snin żaru Malta f’kull xahar tas-sena, u jistqarru li l-aktar staġun għal qalbhom huwa l-ħarifa. U l-iktar li jieħdu gost huwa mal-ħafna ħbieb Maltin li sabu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Spiss ukoll iġibu ħbieb u familja hawn Malta – Rudiger għandu mat-18,000 ritratt li ġibed f’pajjiżna.
Sħabu fil-Ġermanja jafuħ bħala “The Malta Man”. Mhux talli jiġi spiss u tieħu ħafna ritratti, talli għandu madwar 400 ktieb dwar Malta. Vera wkoll għandha mod kif tapprezza s-sbuħija Maltija, u dan permezz tal-ikel. Ta’ spiss issajjar ikel tradizzjonali minn kotba tar-riċetti li tixtri hawn Malta.
L-iktar ħaġa għal qalbhom wara sħabhom huwa l-Kinnie! Kull meta jkunu hawn, jixtru kwantitajiet kbar biex jieħduhom magħhom il-Ġermanja. Jgħidu li jużaw ħafna t-trasport pubbliku meta jkunu f’pajjiżna.
Il-koppja ngħatat żewġ kotba bil-Malti biex tiżdied mal-kollezzjoni li diġa’ għandhom.