Il-koppja famuża magħmul mill-kantant tal-band bl-isem The Wanted, Max George, u l-attriċi Maisie Smith, popolari għar-rwol tagħha fis-serje tal-BBC, ‘Eastenders’, iddeskrivew lil pajjiżna daqslikieku qegħdin f’sett ta’ film.
Il-koppja, li fir-Renju Unit baqgħu magħrufin ukoll wara li ħadu sehem flimkien fil-programm televiżiv ‘X Factor’, kienet fostna fl-aħħar jiem. Hawnhekk żaru diversi nħawi, partikolarment il-kapitali Valletta, waqt li baqgħu mistagħġbin bis-sbuħija u r-rikkezzi li jgawdi pajjiżna.
Max ukoll spjega kif ħuh kien ħadem hawn Malta waqt il-ġbid ta’ film fil-Belt Valletta, bis-sehem tal-istilla ċinematografika Brad Pitt. Aktarx b’referenza għall-film magħruf ‘World War Z’, li ħareġ fl-2013.
Fuq Instagram, il-koppja qasmet filmati dwar postijiet u attivitajiet li kienu involuti fihom kemm damu hawn, inkluż jieħdu l-kafé filgħodu fil-kapitali, iduru mal-Port il-Kbir b’dgħajsa tradizzjonali u anke jilagħqu x-xemx fix-xatt tal-Birgu qrib il-Monument tal-Ħelsien, fost oħrajn.