Dik li kellha tkun esperjenza mill-isbaħ għal missier Malti li tela’ Sqallija biex jara lil bintu tilgħab fit-tennis open ta’ Palermo, inbidlet fi trawma, minħabba n-nirien devastanti li kulma jmur qed jinfirxu f’din il-gżira ġara tagħna.
Luciano Busuttil tkellem ma’ ONE News u rrakkonta dak li għadda minnu fl-aħħar sigħat.
“Il-mara qamet, bdiet ixomm riħa ta’ ħruq u f’daqqa waħda ħarset barra mit-tieqa u rat in-nirien litteralment mal-ħajt tal-proprjetà fejn konna aħna. Qajjimna lit-tfal malajr kienu f’paniku kbir, b’xokk fuqhom.”
Luciano qabbel l-esperjenza li għaddew minnha, max-xeni sterjotipikali li wieħed jara waqt film ta’ diżastru naturali.
“Tistħajlek qisek qiegħed ġo xi film ta’ diżastru naturali u kull fejn tħares tara n-nirien. Ma stajtx tieħu nifs barra, qas tiftaħ għajnejk għax kienet xi ħaġa inkreddibli u intossikanti. Ħafna mill-partijiet ta’ Palermo kienu bla dawl ilhom ġranet sħaħ bla dawl, mhux minħabba n-nirien imma ħabba s-sħana tremenda li kienet qed tagħmel u għadhom sal-lum bil-qtugħ ta’ dawl f’partijiet kbar.”
ONE News tkellem ukoll ma’ Mark Attard, li bħal Luciano wkoll inqabad viċin in-nirien flimkien ma’ familtu.
“Konna għaddejjin bil-kowċ, kienet ġejja daħna sewda jiġifieri ma bdejniex naraw fejn mexjin, kienet tal-biża’ għax aħna qatt ma esperjenzajna dil-ħaġa. Tibda tgħid jew ħa jieħu n-nar il-kowċ, peress li għaddejna minn toroq li kienu bin-nirien. In-nar beda ħiereġ anki fis-central strip fejn kien hemm in-nar ukoll. Pajpiet minn dawk taż-żejt kienu qed jieħdu ukoll u għedna jista’ jkun hemm splużjoni għax in-nar kien qawwi ħafna.”
L-Italja qed tesperjenza opposti estremi ta’ temp; minn silġ u riħ qawwi li jċarrtu s-siġar fit-tramuntana sa mewġ qawwi ta’ sħana u nirien salvaġġi fin-nofsinhar.
Rapport tal-BBC jgħid li fit-Tramuntana tal-Italja, silġ daqs ballun tat-tennis weġġa’ lin-nies.
Intant, fin-Nofsinhar tal-Italja, fosthom Sqallija, mewġa qawwija tas-sħana mhux biss qatgħet il-provvista tal-elettriku iżda anki kkawżat nirien qawwija, fosthom f’Palermu.
In-nirien katastrofiċi ta’ Katanja u l-parti tan-nofsinhar tal-Italja, baqgħu jiddominaw l-aħbarijiet tal-midja lokali hekk kif in-nirien selvaġġi qed ikomplu jikkawżaw ħerba fil-foresti u l-madwar. Dan qed iġiegħel vetturi tat-trasport pubbliku jwaqqfu ħidmithom minħabba li saħnu ferm u kien impossibbli li jibqa’ għaddej l-operat tagħhom.
Filfatt l-istazzjon nazzjonali Taljan, RAI, irraporta li fin-nofsinhar tal-Italja qed tinqered medda kbira ta’ art foresta u l-madwar.
F’Palermu s-sitwazzjoni kompliet teskala fejn għal xi ħin iż-żewġ ajruporti ewlenin fi Sqallija, jiġifieri dak ta’ Palermu fit-Tramuntana ta’ Sqallija u dak ta’ Katanja kienu t-tnejn magħluqin.
L-Air Malta ħarġet stqarrija biex tinforma lill-pubbliku li minħabba limitazzjonijiet imposti mill-ajruport ta’ Katanja, it-titjiriet kollha minn u lejn Katanja sal-wieħed u tletin ta’ Lulju, kellhom jitħassru.
Intant, dan kollu seħħ fil-jum li xjentisti tan-Nazzjonijiet Magħquda ddikjaraw li jinsabu ċerti li Lulju ta’ din is-sena, se jkun l-aktar xahar sħun għad-dinja.
Fil-fatt, tant kemm għamlet sħana tul dan ix-xahar, li r-riċerkaturi jinsabu kunfidenti li se jinkiser ir-rekord tal-elfejn u dsatax.
Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Antonio Guterres, qal li waslet l-epoka ta’ “dinja tbaqbaq”. Tant li qal li għadda ż-żmien tat-tisħin globali, għaliex issa, id-dinja qed “tagħli”.
Il-mewġ tas-sħana fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, flimkien mal-aktar jum sħun irreġistrat globalment aktar kmieni dan ix-xahar, reġgħu xprunaw tħassib ġdid minħabba t-tibdil fil-klima.
Dan anki għaliex studju ppubblikat aktar kmieni din il-ġimgħa, wera li l-mewġ tas-sħana kienu jkunu kważi “impossibbli”, mingħajr it-tibdil fil-klima kkawżat mill-bniedem.