Geoffrey u Mary Fisher huma koppja anzjana ta’ tmenin sena li ddedikaw l-aħħar għaxar snin ta’ ħajjithom għall-volontarjat ma’ pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali.
Iltqajna magħhom fl-Isptar Mater Dei, fil-ġimgħa li għalqu ħamsin sena miżżewġin.
Imwieled Manchester, Geoffrey iltaqa’ ma’ Mary l-Ingilterra meta kien jaħdem bħala kok. Mary hija mill-Imdina, iżda meta żżewġet marret tgħix l-Ingilterra.
Wara li rtiraw ġew Malta, u bdew bil-vjaġġ tagħhom ma’ persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li jużaw is-servizzi t’għajnuna fl-Isptar Mater Dei.
L-attivitajiet mal-pazjenti jvarjaw. Magħhom isajru, jagħmlu l-kartolini u anki jħejju xi rigali.
Fl-aħħar tnax-il xahar, dan is-servizz tal-Volserv – li jara mijiet ta’ voluntiera jagħtu l-għajnuna tagħhom f’kull Dipartiment tal-isptar, u anki fiċ-ċentri tas-saħħa – ġie estiż ukoll fl-Isptar Monte Carmeli, u l-koppja Fisher kienet l-ewwel li ressqet ’il quddiem biex tagħtih.
Ma’ ONE News, l-anzjan spjega kif l-għażla li jgħin lil dawn il-pazjenti kienet xprunata minn esperjenza personali li għadda minnha ma’ ommu.
“We have to stop the stigma of mental health because people think you’re mad, or say get over it, or pull yourself together and they don’t realise how hard it is, they need support these people.”
Huwa dan is-sapport li Geoffrey, flimkien ma’ martu qed jagħtu lil dawn il-pazjenti.
Mis-snin ta’ esperjenza li kiseb mal-pazjenti Maltin, Geoffrey innota li minħabba ċ-ċokon tal-gżira, ħafna jħossuhom fgati bħal donnu kulħadd isegwi l-passi tagħhom.
Qal li ġieli ltaqa’ ma’ nies li jgħidulu kemm hu xxurtjat li hu Ingliż għax fl-Ingilterra għandhom ħajja iżjed faċli, iżda ma jaqbilx.
“They feel trapped because they’re on a smaller island but believe you me, I’d rather be here because the medical care and the hospital itself is five star. I’ve never had any complaints, I’ve had all my operations here and basically that’s why I do the job I’m doing, because it’s a thank you to the Maltese people.”
Mary tistqarr li l-akbar sodisfazzjon għaliha hu li tagħmel differenza u tħalli impatt pozittiv fil-ħajja ta’ dawn in-nies, iżda qalet ukoll li l-fatt li tkun magħhom, iżommha żagħżugħa.
“Is-sodisfazzjon hu, vera li nitilqu kmieni mid-dar u mmorru d-dar għajjenin għax iż-żmien hemm qiegħed, imma naħseb anki l-fatt li toħroġ, tagħmel xagħrek, tidher pulita, jekk inkun qiegħda d-dar noqgħod ma nagħmel xejn forsi nħit.”
Geoffrey u Mary ilhom miżżewġin ħamsin sena, anki jekk bi tbissima qaltilna li dam jistenna disa’ snin biex jistaqsiha l-famuża mistoqsija biex tiżżewġu.
“Jekk tħobb lil xulxin, tkun flimkien il-ħin kollu. Ikolli raġel ieħor idejjaqni. Dejjem nidħku flimkien, bl-istess suġġetti, m’aħniex Romeo and Juliet ikollna xi ngħidu wkoll, imma anki lbieraħ kumbinazzjoni għidtlu ma jkolli aptit lil ħadd ġieli ħlief lilek. U għandi tmenin sena.”