Lucienne u John Bason. Koppja Maltija li ltaqgħet mal-Papa Franġisku fl-okkażżjoni tal-25 anniversarju taż-żwieġ tagħhom.
Fil-jum li sar il-funeral tal-Papa Franġisku, ONE News tkellem ma’ din il-koppja fejn irrakkontaw l-esperjenza tagħhom.
Lucienne rrakkontat kif sfortunatament dak iż-żmien kienet għaddejja minn żmien diffiċli, u tkellmet ma’ saċerdot ħabib tal-familja fejn urew ix-xewqa li hi u r-raġel tagħha jkollhom udjenza flimkien mal-Papa, fejn min-naħa tiegħu aċċertahom li kien se jibgħat ittra l-Vatikan f’isimhom.
“Imbagħad f’Jannar irċivejna ittra mill-Vatikan fejn qalilna li ser nisimgħu quddiesa mal-Papa f’Santa Martha, smajna l-quddiesa fis-27 ta’ Frar tal-2018, dik is-sena konna se nagħlqu 25 sena miżżewġin, smajna l-quddiesa, wara l-quddiesa ħareġ jitlob ftit magħna l-Papa.”
Min-naħa tiegħu, John spjegalna li hu kien tella’ xi ritratti taż-żwieġ tagħhom sabiex jurihom lill-Papa u kienu għarrfuh bil-marda ta’ Lucienne, fejn f’dawk iż-żminijiet sfortunatament ma setgħetx titkellem.
“Meta mbagħad żammilna idejna, jiġifieri ħasset tip ta’ fejqan u setgħet titkellem wara.”
John Bason iddeskriva l-karattru tal-Papa bħala wieħed umli u uman.
“Kien bniedem uman ħafna, bniedem spiritwali. Fil-fatt wara l-quddiesa, wara li neħħa l-abiti sagri, naturalment kien liebes is-suttana l-bajda, sab bank nofsu vojt, u mar jitlob man-nies, qagħad għarkubbtejh kważi 10 minuti jitlob.”