Waqt laqgħa bilaterali importanti mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Emirati Għarab Magħquda, ix-Sheikh Abdullah bin Zayed Al Nahyan, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sostna li l-50 anniversarju ta’ relazzjonijiet bilaterali u t-termini tagħna fuq l-Kunsill tas-Sigurtà qed isaħħu l-kooperazzjoni tagħna mal-Emirati Għarab Magħquda.
Fi stqarrija ġie spjegat kif il-Ministri ddiskutew ukoll l-ħidma konġunta li qed issir fuq bażi multilaterali fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda u faħħru lil xulxin fuq il-mod kif iż-żewġ pajjiżi mexxew it-terminu tal-Presidenza tagħhom. Id-diskussjoni żvolġiet ukoll dwar ir-reġjun tal-Golf u anke r-relazzjoni mal-Unjoni Ewropea.
Iż-żewġ Ministri rrimarkaw ukoll il-fatt kif l-interess għall-kummerċ qed ikompli jiżdied. Dan anke fid-dawl tal-ftehim li sar bejn il-Kmamar tal-Kummerċ taż-żewġ pajjiżi.
Matul il-jum tal-Erbgħa, il-Ministru Borg, f’isem Malta, attenda wkoll għal ċerimonja ta’ ffirmar ta’ ftehim taħt il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda għal-Liġi tal-Baħar; konvenzjoni li kien id-Diplomatiku Malti Avrid Pardo li ta bidu għad-diskussjonijiet għaliha.
Qal, “Ser tkun qed tara li nipproteġu lil hinn mill-fruntieri l-bijodiversità u allura parti mil-liġi tal-ibħra li hija tant importanti fil-kuntest tagħna u anke l-kontribut tagħna li dejjem kien wieħed ewlieni f’dan il-qasam. Leġislazzjoni li ġiet maqbula wara 20 sena u jien iffirmajt issa f’isem pajjiżna dan l-impenn tagħna wkoll.”
Il-Ministru attenda wkoll għall-pranzu tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin fir-reġjun Transatlantiku, organizzata mis-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, fejn kompla jinstema’ l-bżonn ta’ sinerġija ekonomika u soċjali bejn l-Amerka u l-Ewropa.
Dan filwaqt li akkumpanja wkoll lill-Prim Ministru Robert Abela waqt sessjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda li trattat il-paċi u s-sigurtà fl-Ukrajna.