Id-diskors ewlieni tal-kampanja ta’ Kamala Harris f’Washington DC it-Tlieta filgħaxija, tilef l-impetu tiegħu hekk kif il-midja qed tirrapporta aktar dwar kumment tal-President Amerikan Joe Biden li qajjem rabja fost ħafna kostitwenti.
Repubblikani u nies involuti fil-kampanja ta’ Trump ikkundannaw lil Joe Biden hekk kif ħarġu filmati li fih il-President jinstema’ jirreferi għall-partitarji ta’ Donald Trump bħala “żibel”. Iżda stqarrija tal-White House qalet li Biden kien qed jirreferi għal retorika ta’ mibegħda użata kontra n-nies minn Puerto Rico.
Dan il-kumment kien żvelat ftit wara li Harris kienet qed tħeġġeġ lill-votanti biex jaqilbu l-paġna u jimxu lil hinn mid-drama u l-kunflitti fil-politika. Aktar kmieni waqt attività f’Pennsylvania, Trump kien qal li Harris m’għandiex ir-rekwiżiti neċessarji biex tilħaq president.
Hekk kif baqa anqas minn ġimgħa għall-elezzjoni presidenzjali, it-tbassir qed jindika li l-battalja dwar min se joħroġ rebbieħ se tkun waħda qrib ħafna.