Siti soċjali huma l-post fejn wieħed għandu kull opportunità jesprimi pjaċir jew dispjaċir. Hekk qed jiġri fuq rivista li tagħha ttella’ ritratt fuq il-paġna Malta Diżastru Totali.
Fost l-aktar affarijiet li wieħed għandu jevita hawn Malta, skont dan l-artiklu mmirrat lejn it-turisti, hemm il-kaċċaturi. Dan għax skont l-artiklu joqtlu bejn żewġ miljun u tliet miljun għasfur fis-sena, inkluż speċi protetti.
Għalkemm m’hemmx indikat id-data ta’ pubblikazzjoni, din ftit li xejn kellhom relevanza għal min ħass li kellu jikkummenta. Mingħajr l-inqas dubju ta’ xejn, il-kummenti daħlu, u daħlu bil-bosta.
Min ħadha kontra Birdlife Malta, għax hemm imniżżel li wieħed jista’ jagħmel kuntatt magħhom. Min qal li l-artiklu ma kitbuhx tal-Birdlife. Min qal li huwa minnu li l-kaċċaturi joħolqu inkonvenjent, u min esprima diżappunt kbir għax ‘kollox jaslu jagħmlu, basta ħsara lil Malta’. Min qal li mhux kaċċatur, imma jdejqu min jagħmel dawn it-tip ta’ kummenti ġeneriċi. Oħrajn ma ddejqu xejn jikbtu: “I agree, avoid hunters. Bunch of cowboys”.