Id-Dipartiment tas-Saħħa llum ippreżenta kontroprotest b’risposta għall-protest ġudizzjarju li l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) fetħet il-ġimgħa li għaddiet dwar il-kariga ta’ Direttur għall-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard.
F’dan il-kontroprotest li sar f’isem is-Segretarju Prinċipali Permanenti u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tas-Saħħa, intqal li s-sejħa għall-applikazzjoni telenka x’għandhom ikunu l-abbiltajiet maniġerjali, l-għarfien u l-kwalifiċi li għandu jkollu min jokkupa din il- kariga, u li dawn ir-rekwiżiti mhumiex limitati għal min jipprattika l-professjoni ta’ tabib.
Ġie preċiżat li min jokkupa din il-kariga jrid iħaddem b’mod effettiv ir-riżorsi umani speċjalizzati fis-saħħa pubblika li jagħmlu parti minn dan id-direttorat. Ir-responsabbiltajiet elenkati mill-MAM fil-protest ġudizzjarju fil-verità ma jirriżultax li dawn għandhom jitwettqu unikament u speċifikament mid-direttur f’dan id-dipartiment, iżda li dan isir b’koordinazzjoni ma’ team ta’ professjonisti speċjalizzati fis-saħħa pubblika li jagħmlu parti minn dan id-direttorat.
Il-kontro- protest jgħid ukoll li l-allegat ksur ta’ ftehim kollettiv li elenkat il-MAM mhuwiex minnu, hekk kif m’hemm l-ebda klawsola fil-ftehim kollettiv li torbot lill-Gvern biex jaħtar tabib speċjalizzat fis-saħħa pubblika fil-post ta’ direttur.