Bħala parti minn kampanja nazzjonali, aktar minn 300 qattus ieħor tat-triq se jiġu msewwija u ċċipjati sax-xahar id-dieħel.
B’investiment ta’ mitejn elf ewro, din il-kampanja mid-Direttort tal-Ħarsien tal-Annimali għandha l-għan li tikkontrolla l-popolazzjoni kbira ta’ qtates fit-toroq f’pajjiżna u mistennija tindirzza madwar 5,000 qattus fis-sena.
Il-pjan se jieħu inkonsiderazzjoni l-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet u l-popolazzjoni ta’ qtates preżenti f’żoni differenti.
Romina Frendo, li qed tmexxi din il-kampanja spjegat li minn mindu fetħu l-applikazzjonijiet għal din il-kampanja, kienu bosta li ċemplu biex isewwu l-qtates tat-triq.
“Sfortunatament hawn ħafna miżinformazzjoni, li kultant tagħmel lin-nies jaħsbu li jekk issewwi l-qtates qed tagħmel xi ħaġa kontra n-natura. Fil-verità hu l-oppost, għax meta ssewwi l-qtates tkun qed tiffranka ħafna mard lil dawn l-istess annimali.”
Romina Frendo
Din il-kampanja qed tittwettaq bħala waħda mill-elf proposta tal-manifest elettorali Laburista Malta Flimkien u qed tqis il-bżonnijiet speċifiċi tal-komunitajiet varji.
Il-qtates jinġabru kemm minn trappers ta’ esperjenza kif ukoll mill-pubbliku inġenerali.
“Inħeġġu lil pubbliku u l-pubbliku qed jirrispondi, jiġifieri bħala Dipartiment tal-Animal Welfare hemm l-apparat kollu disponibbli wara li jsir depożitu żgħir u nuru kif jintuża. Meta jkollhom l-appuntament bażikament jiġbru l-apparat u jkunu jistgħu jaqbdu l-qtates.”
Romina Frendo
Biex wieħed jagħmel użu minn dan is-servizz, jista’ jagħmel kuntatt mad-Dipartiment permezz tan-numru 22924999 bejn is-7:00 ta’ filgħodu u t-15:00 ta’ waranofsinhar mit-Tnejn sal-Ġimgħa, jew permezz ta’ email fuq neutering.mafa@gov.mt.