Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, bl-appoġġ tal-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa, qed iressaq oġġezzjonijiet fi proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mħabbra mill-Awtorità tal-Ippjanar, biex jiġi żviluppat mitjar żgħir għall-mudelli tal-ajruplani qrib Wied Żnuber fil-Qasam Industrijali ta’ Ħal Far, fil-limiti ta’ Birżebbuġa.
Art kbira, li kienet destinata għal żvilupp industrijali f’Ħal Far, tista’ potenzjalment tiġi mibdula biex issir buffer zone li tissalvagwardja ż-żona ta’ Natura 2000 ta’ biswitha, wara li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet abbozz ta’ reviżjoni tal-policy għal dan is-sit.
L-Awtorità tal-Ippjanar fi stqarrija kienet qalet li l-iskop primarju wara din ir-reviżjoni hu li żvilupp industrijali jinżamm kemm jista’ jkun ’il bogħod miż-żona ta’ valur għoli ambjentali għax jista’ jagħmel ħsara.
L-Awtorità qiegħda tipproponi wkoll li żona żgħira ta’ art biswit l-irdumijiet kostali tal-Punent tal-Gżejjer Maltin qrib Wied Żnuber tkun destinata għal sports b’impatt baxx.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, saħaq li l-kunsill baqa’ konsistenti fil-fehma tiegħu dwar dan il-proġett propost.
Qal li l-kunsill jemmen li s-sit naturali għandu jibqa’ naturali kollu kemm hu, bil-għan li tinħoloq buffer zone bejn iż-żona industrijali u l-art, li hi parti minn Natura 2000.
Għalhekk il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa u l-Għaqda Storja u Kultura Birżebbuġa qegħdin jiġbru l-oġġezzjonijiet kontra dan it-tibdil, filwaqt li qed jitolbu li ż-żona kollha għandha tiġi kklassifikata bħala ODZ biex titgawda mill-poplu Malti kollu, b’mod partikolari l-eluf ta’ ħaddiema fiż-żona, li sal-lum m’għandhom l-ebda post ta’ mistrieħ.
Fl-istqarrija ntqal li dan għandu jsir b’rispett lejn id-dilettanti tal-mudelli tal-ajruplani, li għalihom għandu jinstab sit alternattiv aktar addattat.
Il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika jagħlaq nhar Erbgħa li ġej.