Bernard Grech stqarr li kull sold li pajjiżna ġab mill-Unjoni Ewropea huwa bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.
Din id-dikjarazzjoni għamilha waqt intervista fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, ironikament ftit tax-xhur wara li pajjiżna taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela beda jgawdi mill-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej fl-istorja tiegħu msieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Iżda għal Bernard Grech dan kollu sar bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.
Huwa stqarr: “Kull sold li jġib f’Malta kemm Gvern Nazzjonalista, kif ukoll Gvern Laburista mill-Unjoni Ewropea. Kemm jekk tkun għotja kemm jekk tkun self, tkun ġiet bis-saħħa tal-Partit Nazzjonalista.”
Bernard Grech sostna dan ukoll jiem wara li fil-Parlament attakka l-Pjan ta’ Rkupru mill-Pandemija ta’ tlieta mija u għoxrin miljun ewro, ġejjin minn fondi Ewropej.
Huwa sejjaħ il-pjan b’inizjattivi ambizzjużi favur l-ambjent u li joħolqu x-xogħol, partikolarment fis-settur diġitali, bħala froġa.
Intant il-kummenti partiġjani ta’ Bernard Grech ma waqfux hawn.
Fl-istess intervista stqarr hekk: “Il-Partit Nazzjonalista dejjem ġab isem pajjiżna ’l quddiem. Konna l-għira tal-Ewropa.”
Dan qalu anki jekk pajjiżna ddaħħal fi proċeduri ta’ defiċit eċċessiv fi żmien l-aħħar Gvern Nazzjonalista u fil-bidu tal-aħħar sena ta’ Gvern ta’ GonziPN, il-qgħad kien jaqbeż is-6,700 ruħ, iktar minn tliet darbiet aktar minn dak li hu llum waqt pandemija.
Bernard Grech nesa wkoll għalkollox l-attakki kontinwi minn deputati tal-Partit Nazzjonalista u l-Ewroparlamentari li ġmielhom jitkellmu kontra pajjiżna fil-fora Ewropej hekk kif spiċċa jistqarr li l-Partit Nazzjonalista dejjem ġab isem pajjiżna ’l quddiem.