Fil-Parlament, id-deputati tal-Gvern tkellmu dwar ħidmet il-Gvern biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-rapport tal-Inkjesta Sofia waqt id-diskussjoni Parlamentari fuq mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fil-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, spjega li quddiem l-arroganza tal-Oppożizzjoni, il-Gvern se jkompli jaħdem biex jgħolli l-istandards għall-ġid taċ-ċittadini Maltin.
Dwar l-implimentazzjoni ta’ dak li joħroġ mill-inkjesta pubblika, il-Ministru Attard spjega li se jkun hemm il-konsultazzjoni meħtieġa mal-istakeholders ewlenin.
Hawn qal li diġà qed jiġu implimentati miżuri, filwaqt li se jiġu implimentati l-miżuri l-oħrajn mir-rapport tal-inkjesta pubblika. Hawn irrefera għas-sejħa pubblika ta’ interess għal avukati u periti biex jassistu liċ-ċittadini affettwati minn xi żvilupp, li jkun qed isir ħdejn ir-residenza tagħhom.
Il-Ministru Attard temm jgħid, li l-Gvern għandu r-rieda u d-determinazzjoni li jwettaq il-bidliet li hemm bżonn biex l-istandards jibqgħu jogħlew ħalli l-industrija tibqa’ miexja lejn waħda li tagħti s-serħan il-moħħ lil kulħadd.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, qal li wieħed ma jistax jimmaġina minn dak li għaddiet minnu omm u missier Jean Paul Sofia.
Spjega li l-inkjesta maġisterjali u dik pubblika komplew issostnu r-riformi li bdew jiġu implimentati f’dawn l-aħħar snin fis-settur tal-kostruzzjoni. Riformi li se jkomplu jiġu implimentati fiż-żmien li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar kif kien il-Prim Ministru nnifsu li ppubblika l-inkjesta pubblika appena ġiet ippreżentata lilu u minnufih ħatar sotto-kumitat biex imexxi b’mod iffokat l-implimentazzjoni tal-istess rakkomandazzjonijiet.
Id-Deputat Laburista Alex Muscat spjega lir-rapport, li ħareġ mill-inkjesta pubblika, juri li hemm fejn ittejjeb l-istandards f’dak li għandu x’jaqsam ma’ proċessi aktar metikolużi fid-dipartimenti u l-awtoritajiet tal-Gvern.
Hu spjega li l-inkjesta ma sabet l-ebda rabta bejn l-allokazzjoni tal-art fejn fiha seħħet it-traġedja u l-proċess tal-allokazzjoni. Minkejja dan, id-Deputat innota bi pjaċir li l-proċessi, fil-konfront ta’ kif tingħata art industrijali, il-Gvern xorta se jkun qiegħed iħares lejh f’aktar dettal.