Fil-Qorti, kompliet il-kawża b’rabta mal-Inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella fil-konfront ta’, fost l-oħrajn, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello nstemgħu bosta xhieda kif mitluba mill-akkużati.
L-ewwel li xehed kien l-eks Spettur Anthony Scerri, li sostna li l-Pulizija dejjem imxiet fuq l-ordnijiet tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Fil-Qorti xehed ukoll Dr Josie Muscat, li tkellem dwar l-involviment tiegħu fil-proġett ta’ Cyclotron. Qal li t-taħdidiet bdew fl-2011, wara li bagħtu għalih mill-Malta Enterprise għaliex riedu jagħmlu proġett f’Malta għall-annimali.
Meta mistoqsi mill-avukati tad-difiża dwar min ried jagħmel is-cyclotron f’pajjiżna, Josie Muscat qal li kien hu stess.
Ġie mistoqsi wkoll jekk tkellimx ma’ xi ħadd minn Vitals jew Steward dwar dan, u wieġeb “qatt”.
Dan jikkontradixxi dak li ntqal fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li damet erba’ snin u nofs biex saret.
Xehed ukoll iċ-Chief Financial Officer tal-Malta Enterprise, Joseph Zammit li qal li l-Malta Enterprise daħlet hi biex jitlesta l-proġett tas-Cyclotron.
Telgħet ukoll fuq il-pedana tax-xhieda, rappreżentanta tal-Malta Business Registry, li ppreżentat dokumenti li għandhom x’jaqsmu mal-kumpaniji li huma akkużati.