Fit-tielet seduta tal-inkjesta pubblika dwar l-inċident li ħasad il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia f’inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fiż-żona industrijali ta’ Kordin, fit-3 ta’ Diċembru, kien imiss li jixhed il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Industrial Parks, Karl Azzopardi.
Hekk kif Azzopardi kien parti mill-working group biex ġiet iffurmata l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, huwa fost oħrajn ġie mistoqsi dwar il-finanzjament għal din l-Awtorità.
Azzopardi spjega li fl-ewwel sena tagħha, il-BCA talbet baġit ta’ €18-il miljun madankollu ġie mgħotija €9 miljun sabiex din iċ-ċifra umbagħad bdiet tiżdied gradwalment.
Sostna wkoll li pjanijiet biex jiġu ingaġġati numru ta’ persuni fl-ewwel sena tiegħu fit-tmun ta’ din l-Awtorità, kienu waqgħu lura minħabba li din kienet sena ta’ elezzjoni.
Fil-fatt, spjega li fl-ewwel u l-unika sena tiegħu fit-tmun tal-BCA, ġew ingaġġati 45 impjegat. Minnhom bejn 9 u 11-il persuna kienu inspectors. Bħal Perit David Xuereb, f’xhieda separata quddiem l-istess Bord tal-Inkjesta, Azzopardi pponta wkoll lejn in-nuqqas ta’ persuni kompetenti fis-suq biex jiġu ingaġġati mal-BCA.
Mistoqsi fuq l-obbligu ta’ polza ta’ assigurazzjoni fuq xogħlijiet li jkunu għaddejjin, Azzopardi tenna li din hija importanti ħafna u li hemm diversi metodi favur poloz tal-assigurazzjoni disponibbli.
Huwa spjega wkoll li kien jikkumpila rapport kull xahar bbażat fuq l-ispezzjonijiet li kienu jsiru u tenna wkoll li dawn wasslu biex numru ta’ każijiet jitressqu quddiem il-Qorti.
Quddiem, il-Bord tal-Inkjesta xehdet ukoll l-ewwel Chairman tal-BCA, il-perit Maria Schembri Grima li kienet irriżenjat mill-kariga tagħha. Hija sostniet li rriżenjat minħabba spin fil-midja u ma ridietx li l-Awtorità ssofri minħabba żbalji li ma kienux tagħha. B’rabta mal-allegazzjonijiet ta’ kunflitt, sostniet li qatt ma kien hemm kunflitt madankollu ma riditx li l-perċezzjoni ta’ kunflitt tkompli tippersisti.
B’rabta man-numru ta’ uffiċjali li jispezzjonaw is-siti ta’ kostruzzjoni fi ħdan il-BCA, Schembri Grima sostniet li sa Frar tal-2023 kien hemm 21 uffiċjal.
Xehed ukoll Savior Camilleri li huwa c-chairperson kurrenti tal-BCA. Huwa sostna fost oħrajn li l-Bord tal-BCA qed jirfina l-l-istandards tal-liċenzja tal-kuntratturi li l-Awtorità kienet ħarġet. Dan filwaqt li għaddejja b’numru ta’ konsultazzjonijiet. Huwa aċċenna wkoll għall-obbligu tal-liċenzja tal-kuntratturi li permezz tagħha, min ma jkunx konformi jkun suġġett għal multi kbar.
Jesmond Muscat li ilu Kap Eżekuttiv tal-BCA minn Ġunju tas-sena li għaddiet spjegat li fi żmien tiegħu fil-kariga l-uffiċjali li jispezzjonaw is-siti żdiedu b’10. Mit-total ta’ 21 uffiċjal spjega li 17 minnhom ikunu kuljum iterrqu s-siti tal-kostruzzjoni. Huwa rrimarka wkoll il-pjanijiet favur ingaġġ akbar ta’ persuni li jaħdmu fil-BCA. Spjega wkoll li taħt it-tmexxija tiegħu inħarġu totall ta’ 68 ċitazzjoni madankollu ma setax jipprovdi kemm dawn kollha jammontaw f’multi.