Fl-Inkjesta Maġisterjali Maġisterjali mitluba minn Simon Busuttil fl-2017 b’rabta m’allegat tixħim fil-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, il-Maġistrat Inkwirenti ma kienet sabet l-ebda prova li kien hemm tixħim jew korruzzjoni fil-kisba taċ-ċittadinanza b’investiment.
Dan ħareġ waqt ix-xhieda tal-Ispettur Ann Marie Xuereb fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter ta’ Nexia BT.
Matul is-seduta, l-Ispettur rrakkuntat kif il-Pulizija intalbet tinvestiga lill-imputati hekk kif l-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ma emmnitx l-istqarrijiet mogħtija lilha mill-esponenti ta’ Nexia BT u Keith Schembri.
L-Ispettur spjegat li l-Pulizija bdiet tistħarreġ dwar self ta’ €100,000 li għadda bejn Keith Schembri u Brian Tonna ta’ Nexia BT. Fil-Qorti nstema’ kif Tonna kien talab self lil Schembri waqt il-proċess tas-separazzjoni tiegħu minn mal-mara.
Hawnhekk Karl Cini u Katrin Bondin Carter allegatamemt ħolqu xi dokumenti biex jiżgwidaw lill-investigaturi. L-Ispettur spjegat li mill-investigazzjonijiet tagħha rriżulta li Brian Tonna kien iżomm rendikont fuq kollox madankollu ftit instab dwar din it-tranżazzjoni.
Instema’ kif il-ħlas lura minn Tonna lejn Schembri allegatament għadda mill-kumpanija Willerby li fiha kien hemm numru ta’ partners oħra. Hawnhekk l-Ispettur rrimarkat kif il-Maġistrat Inkwirenti kienet qalet li Tonna seta’ uża kontijiet oħra fuq ismu sabiex ħallas lura s-self. Il-Maġistrat Inkwirenti nnutat ukoll kif Brian Tonna kellu numru ta’ kontijiet fuq ismu li fihom kien hemm mas-€600,000 u ma setgħux jiġu affetwati mill-proċess legali marbut mas-separazzjoni.
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-Pulizija b’rabta mal-Inkjesta tax-xiri tal-magni tal-istampar tal-Allied Press. L-Ispettur spjegat kif allegatament il-ħlas għadda minn Malta lejn l-Istati Uniti lejn numru ta’ kumpaniji offshore bit-taxxa fuq il-magna tħallas f’Malta.
L-Ispettur kompliet tispjega li fix-xhieda tiegħu Keith Schembri spjegalha li l-proċess tax-xiri tal-magna ġie awditjat mill-kumpanija PricewaterhouseCoopers.
Allegatament wara x-xiri ta’ dan l-apparat f’Ġunju tal-2010 għaddew $170,000 minn kont ta’ Schembri fl-Iżvizzera lejn il-kont tal-eks direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers li jippubblikaw it-Times, Adrian Hilman fl-MFSP. Fi Frar ta’ sena wara allegatament għadda pagament ieħor ta’ €130,000 lejn kont tal-eks direttur maniġerjali ieħor tal-Allied, Vince Buhiagiar.
Bdiet tinstema wkoll il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace minn Zenith Finance. Ġie spjegat li f’din il-kumpanija kien hemm il-kontijiet ta’ Hilman, Schembri u Buhagiar. Huma ġew akkużati b’falsifikar ta’ dokumenti u ħasil tal-flus.
Hawnhekk l-Ispettur Ian Camilleri ppreżenta l-evidenza li hemm fil-konfront taż-żewġ imputati.
Wara x-xhieda tiegħu l-avukati difensuri Edward Gatt u Mark Vassallo staqsew dwar l-allegat involviment ta’ Falzon u Pace f’dan il-każ.
L-Ispettur ġie mistoqsi dwar ir-regolamenti kontra l-ħasil tal-flus kif kienu fl-2010 u l-2011, bl-Ispettur ittenni li ma setax jikkwota dawn ir-regolamenti. Madankollu huwa spjega li xorta saru xi llegalitajiet. Hawnhekk l-Ispettur ġie mistoqsi dwar ir-risk assessment li kienet għamlet Falzon.
Hawnhekk Dr Gatt tenna li filwaqt li dan ma kienx obbligatorju li jsir, dakinhar Falzon xorta għamlet risk assessment. Gatt tenna wkoll li mix-xhieda tal-Ispettur jidher li r-reat li allegatament wettqet Falzon kien żball amministrattiv.
Fakkar ukoll kif tlettax-il sena ilu, kemm Schembri kif ukoll Hillman ma kienux persuni ta’ riskju għoli u ħadd minnhom ma kien espost politikament
Fl-aħħar tas-seduta id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ imputati. Gatt fakkar li l-prosekuzzjoni qed timxi fuq xhieda minn Inkjesta Maġisterjali u għalhekk ma setax isir intralċ tal-provi.
Il-Qorti se tagħti d-deċiżjoni tagħha l-Ġimgħa filgħodu.
14:58 – L-Avukat Difensur wieġeb għal dan u sostna li fil-kontinent Ewropew il-ħelsien mill-arrest hija n-norma. Gatt sostna wkoll minkejja l-investigazzjonijiet li għadhom għadejjin l-istrateġija ta’ kif jitressqu n-nies hija tal-Pulizija
Il-Maġistrat sostniet li d-digriet fuq il-ħelsien mill-arrest se jingħata qabel l-ewwel kawża tal-Ġimgħa filgħodu.
14:45 – Id-difiża reġgħet ressqet ir-rikors b’rabta mal-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Edward Gatt reġa tenna l-mistoqsijiet li kien għamel fil-preżentata b’rabta mar-riskju baxx li l-imputati jaħarbu, ikun hemm intraċċ tal-provi u dwar il-koperazzjoni tal-imputati.
Fid-dikjarazzjoni tiegħu, Dr Edward Gatt sostna li bix-xhieda tal-Ispettur Camilleri rrimarka li l-fatti ta’ dan il-każ fil-konfront taż-żewġ akkużati nstemgħu kollha u d-difiża għandha diffikultà għalfejn Pace u Falzon inżammu l-ħabs u għalfejn inħarġu akkużi fil-konfront tagħhom. Gatt rrimarka wkoll li l-Ispettur ta spjegazzjoni xotta għall-mistoqsijiet tad-difiża.
Gatt fakkar kif l-FIAU regulations daħlu f’Mejju tal-2011 u f’dan il-każ l-allegat reat seħħ sena qabel dawn ir-regolamenti.
Dr Edward Gatt fakkar ukoll li waqt il-Police Bail l-akkużati kkoperaw mal-Pulizija tul l-investigazzjoni kollha. Gatt tenna li r-raġunar wara li l-imputati baqgħu jinżammu arrestati hija bla sens.
Gatt spjega wkoll li bħala difiża bħalissa l-istrateġija huwa li joħorġu bil-ħelsien mill-arrest.
Hawnhekk il-Qorti staqsiet lill-Prosekuzzjoni dwar it-talba tad-difiża u fakkritha biex tagħmel referenza għad-dikjarazzjoni tal-Ispettur Camilleri fl-ewwel seduta.
Il-prosekuzzjoni baqgħet ma taqbilx ma’ din it-talba madankollu l-Maġistrat irrimarkat li dan l-istadju mhux bikri hekk il-proċeduri huma msejsa fuq inkjesta eżawrenti. Mistoqsija dwar ix-xhieda li baqa’ tixhed f’dan il-każ, l-avukat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali spjegat li l-Pulizija għadhom għadejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom fil-konfront ta’ terzi.
13:54 – L-avukat staqsa wkoll x’għamel ħażin Matthew Pace li kiteb ittra lill-awditur bir-requirements tat-tranżazzjoni li kellha ssir.
Staqsa wkoll dwar liem regolamenti inkisru ta’ dak iż-żmien. Hawnhekk l-Ispettur qal li din ma kinitx prassi aċċettata fil-kumpanija MFSP.
13:40 – Fil-kontro eżami għax-xhieda tal-Ispettur l-Avukati Mark Vassallo u Edward Gatt staqsa lill-lspettur meta Keith Schembri u Adrian Hilman fetħu il-kontjiet tagħhom fl-MFSP. Hawnhekk l-Ispettur wieġeb li nfetħu tul l-2010. L-avukat staqsa lill-Ispettur b’rabta mar-regolamenti li kienu fis-seħħ fl-2008. Mistoqsi jekk l-Ispettur rax ir-regolamenti ta’ dakinhar spjega li kien hemm xi illegalitajiet. Mistoqsi dwar x’kienu r-regolamenti ta’ dakinhar l-Ispettur ma setax iwieġeb.
L-ispettur kkonferma wkoll li dakinhar l-MFSP għamlet risk assessment tal-klijenti meta dan ma kienx hemm bżonnu. Mistoqsi jekk il-BOV ġiex mistoqsi dwar il-flus li daħlu ġo fih l-Ispettur wieġeb li ma kellmuhomx.
Mistoqsi dwar x’għamlet ħażin Lorraine Falzon, l-Ispettur wieġeb li daħħlet karti wara li saru t-tranżazzjonijiet. Hawnhekk il-Maġistrat staqsiet ukoll dwar dan u talbet għal aktar spjegazzjoni mill-Ispettur.
L-avukat nnota wkoll li Falzon tressqet ukoll fil-kapaċità tagħha ta’ Direttur. Mistoqsi dwar id-differenza bejn Lorraine Falzon u d-Dirtetturi li ma tressqux, l-Ispettur wieġeb li Falzon kienet ukoll compliance officer.
Mistoqsi dwar x’sabu nieqes mill-client profiles, l-Ispettur wieġeb li aċċess għal dan m’għandux.
13:14 – Kien hemm tliet negozji ta’ magni li kienu nxtraw minn Progress Press tat-Times minn Kasco Engineering. Fis-27 ta’ Ġunju l-Maġistrat ħarġet mandat ta’ tfittxija l-MFSP u kien irriżulta li Adrian Hillman u Keith Schembri kellhom kontijiet miftuħin mal-MFSP. Vincent Buhagiar, l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers li hi responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times u sieħeb fin-negozju ta’ Keith Schembri wkoll kellhom kontijiet mal-MFSP
13:13 – Il-Ħamis wara nofsinhar ngħata wkoll bidu għall-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Lorraine Falzon u Matthew Pace.
L-Ispettur spjega li mill-inkjesta deher kif allegatament kien hemm mas-€600,000 fi tranżazzjonijiet li allegatament għaddew f’erba tranżazzjonijiet differenti minn Keith Schembri lejn Adrian Hillman.
11:56 – Intlaħaq qbil bejn il-partijiet li t-trattazzjoni tal-ħelsien mill-arrest tiġi trattata fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta li ġej.
11:30 – Dakinhar Keith Schembri reġa’ kien mitkellem mill-Pulizija Keith Schembri qal li huwa kien iħallas lil Nexia BT biex jieħdu ħsieb l-kontijiet tal-kumpaniji tiegħu. Keith Schembri kien ċaħad ukoll li baqa’ jirċievi paga mill-kumpanija tiegħu u lill-Pulizija qalilha li dawn kienu donazzjonijiet mingħand missieru. Hawnhekk, il-Pulizija qaltlu li kellha e-mail li tgħid li din id-donazzjoni kienet f’forma ta’ paga bi Schembri jispjega li l-kelma paga ntużat b’mod ħażin.
11:24 – L-Ispettur kompliet ix-xhieda tagħha billi spjegat li fid-19 ta’ Marzu 2021 ttieħdet ukoll stqarrija mingħand Keith Schembri b’rabta man-negozju li Kasco Group kellu mal-Allied Group tat-Times.
Hawnhekk Schembri qal li fil-passat l-istimi tal-Kasco Group fi proġetti fl-Allied Newspapers dejjem ġew skartati mill-Allied Group. Dwar it-tender tal-magna tal-istampar, is-sottomissjoni ta’ Kasco Group kienet ġiet skrutinizzata mill-PWC. Il-magna tal-istampar kienet inxtrat mill-Istati Uniti u it-tranżazzjoni kienet għaddiet min-numru ta’ kumpaniji offshore.
10:45 – Wara dawn l-istqarrijiet, kienet ingħalqet l-inkjesta tal-istamperija tat-Times. Minħabba li l-ismijiet kienu komuni, l-Pulizija għaqqdet l-investigazzjonijiet tagħhom. Filfatt fis-7 ta’ Marzu 2021 Tonna, Cini u Castagna ngħataw mandat t’arrest u ngħataw wkoll kopja tal-konklużjonijiet fejn jidhru huma.
L-Ispettur spjegat li Brian Tonna kien sorpriż għax ma kienx jaf li seta’ kien involut fl-inkjesta. Hawnhekk l-Ispettur tat ħames envelopes b’dokumenti li ntwerew lil Brian Tonna qabel l-interrogazzjoni. Hawnhekk Brian Tonna kien għażel li ma jweġibx.
Il-Maġistrat issospendiet il-kawża għal ftit minuti.
10:39 – Fit-22 ta’ Marzu 2021 Karl Cini kien ta spjegazzjoni għall-mistoqijiet li sarulu fl-istqarrijiet preċedenti. Huwa spjega li kien hemm diversi dokumenti li għaddew biex jintużaw bħala mudell. Dwar in-note of meeting bejn il-partners tal-kumpanija qal li ma jiftakarx min ħoloq u talab dak id-dokument. Huwa kien naqas milli jwieġeb għall-mistoqsijiet li kienu sarulu mill-Maġistrat Inkwirenti.
Fit-22 ta’ Marzu wkoll Brian Tonna ġie mistoqsi mill-Pulizija u hawnhekk huwa ta lill-Pulizija erba’ e-mails bir-risposti għad-domandi li kienu sarulu meta kienu bagħtu għalih qabel. Dakinhar kien għamel referenza wkoll li l-kumpanija Nexia BT kienet kostretta tgħalaq u spjega li kienu ħadulu l-warrant ta’ accountant mill-bord tal-accountants.
Madankollu qal ukoll li huwa reġa’ ngħata l-warrant ħamest ijiem wara. Waqt l-istqarrija l-Ispettur qalet li Tonna enfasizza wkoll li meta l-Maġistrat Inkwirenti wrietu d-dokumenti qabel ix-xhieda tiegħu qal li kien hemm xhieda ta’ Ruth Gauci li hija kienet mġiegħelha tikteb il-kliem ‘kickback’ fuq id-dokumenti. B’rabta mal-meeting li kellu mal-partners l-oħra tenna li ma semma xejn fuq is-sitwazzjoni matrimonjali tiegħu.
10:04 – Wara dawn l-istqarrijijiet kienu ġew rilaxxati fuq Police Bail. Huma reġgħu intalbu jmorru d-Depot f’Diċembru tal-2020. Dakinhar, Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna ma wieġbu għall-ebda mistoqsija li saritilhom.
09:58 – Fl-istqarrija tiegħu Brian Tonna ġie mistoqsi dwar xogħlu u r-relazzjoni matrimonjali tiegħu. Kien mistoqsi wkoll għalfejn ħa l-loan mingħand Keith Schembri. Huwa ma weġibx għall-ebda domanda li saritlu.
09:53 – L-Ispettur spjegat li f’Settembru tal-2020 ħarġu mandat t’arrest fil-konfront ta’ Brian Tonna, Katrine Bondin Carter, Karl Cini, Manuel Castagna u Keith Schembri.
Fit-22 ta’ Settembru bdew jinġabru l-istqarriji tal-persuni kkonċernati. Manuel Castagna kien wieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet dwar xogħlu għal dawn l-aħħar 19-il sena. Huwa kien mogħti wkoll id-dokumenti tal-loan agreement u spjega li dawn huwa qatt ma kien rahom. Kien qal ukoll li huwa qatt ma ra affafrijiet illegali.
Meta kien mistoqsi dwar problemi familjari u cash flow ta’ Brian Tonna għażel li ma jirrispondix.
Fl-istqarrija tiegħu Karl Cini kien spjega li kien accountant ma’ Nexia BT għal għoxrin sena. Huwa ma kien irrisponda għall-ebda mistoqsja tal-Pulizija.
09:43 – Fl-inkjesta l-Maġistrat inkwirenti kienet waslet li hija ma emmnitx lil Schembri u Tonna dwar is-self ta’ €100,000 għax taħt isem Tonna kien hemm numru ta’ kontijiet miftuħin u kif ukoll ċekkijiet li ma setgħux jinqabdu mill-garnishee tal-eks mara.
09:40 – Saret ukoll referenza għall-management accounts ta’ Willerby fejn l-irċevuti għas-servizzi li taw lil tliet klijenti bħala sales. L-Ispettur qalet li fuq Willerby nstabu wkoll numru ta’ dikjarazzjonijiet differenti. Fix-xhieda tiegħu Tonna qal li Willerby inħolqot bħala investment vehicle. L-Ispettur qalet l-esperti li kienu qed jassistu l-Maġistrat ħasbu li Willerby kienet inħolqot biex jinżammu l-flus fiha.
09:39 – L-Ispettur qalet li jidher li Katrine Bondin Carter u Karl Cini allegatament ħolqu numru ta’ dokumenti. Rigward ix-xhieda ta’ Brian Tonna l-Ispettur qalet li b’rabta maċ-ċekk ta’ €84,000 Tonna kien qal li dan kien cheque li rċieva flimkien ma martu dwar konvenju li kien waqa’. Fix-xhieda Tonna qal li martu ma kinitx taf b’dan l-ammont u spjega li dak iż-żmien huwa saħaq li beża’ li ħa jinqabad mingħajr flus waqt is-separazzjoni u mexxa dan l-ammont għal kont personali tiegħu.
09:34 – Fl-inkjesta tagħha il-Maġistrat qalet li ma sabet l-ebda korruzzjoni jew tixħim fil-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
09:22 – L-Ispettur spjegat li fix-xhieda tiegħu Brian Tonna qal li minħabba separazzjoni minn mal-mara kien talab lil Keith Schembri biex isellfu €100,000. L-Ispettur qalet li filfatt nstabu tliet dokumenti dwar is-self madankollu l-partijiet qalu li ma jiftakrux meta dawn il-kontijiet kienu mtlew. L-Ispettur qalet jidher li fix-xhieda ta’ Brian Tonna u Keith Schembri jidher li ma jafux meta kienu għaddew dawn il-flus.
Fl-inkjesta rriżultat ukoll email li fiha Tonna bagħatha lilu nnifsu bl-isem ‘As Discussed’ u fiha kien hemm annessa loan agreement assignment.
09:09 – Fix-xhieda tagħha kontra Brian Tonna, l-Ispettur Ann Marie Xuereb spjegat li l-investigazzjoni bdiet wara l-eżitu tal-ewwel inkjesta li saret dwar l-allegat tixħim minn Brian Tonna fil-konfront ta’ Keith Schembri dwar l-IIP. Ir-rikors ġie rreġistrat għand Aaron Bugeja u fl-2017 Natasha Galea Sciberras bdiet inkjesta li tlestiet sa Settembru 2020.
Simon Busuttil kien għamel numru ta’ talbiet fosthom jekk daħlux €166,000 miċ-ċittadinanza miksuba minn tliet persuni ta’ nazzjonalità Russa. Fl-inkjesta tagħha il-Maġistrat qalet li ma kien hemm l-ebda prova prima face li saru pagamenti li ġew f’forma ta’ kickback minn bejgħ ta’ passaporti.
Il-Maġistrat ikkonkludiet ukoll li l-verżjoni ta’ Tonna u Schembri ma kinitx kredibbli u talbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga.
08:58 – Fil-bidu tas-seduta l-prosekuzzjoni talbet biex l-MFSA tiġi notifikata li tinħareġ ordni ta’ ffriżar fuq numru ta’ soċjetajiet finanzjarji. Il-Qorti laqgħet din it-talba bid-difiża ma sabet l-ebda oġġezżzjoni għal dan.
08:57 – L-imputati qed jiġu assistiti mill-avukati Dr Stephen Tonna Lowell li qed jidher għal Brian Tonna u Karl Cini u numru ta’ kumpaniji oħra. Dr Gianella De Marco qed tidher għal KVT Holdings Limited, Dr Amadeus Cachia u Dr Franco Debono qed jidhru għal Katrin Bondin Carter u Dr Michael Xuereb qed jidher għal Manuel Castagna. Dr Beverly Tonna qed tidher għas-soċjetá KVT Holdings Ltd.
Aktar qabel – Il-Ħamis filgħodu mistennija tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-uffiċjali min-Nexia BT. Is-smigħ tas-seduta se jkun qed isir f’awla 22 bis-seduta se tkun ppreseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Fil-preżentata ta’ nhar is-Sibt, Brian Tonna, Karl Cini, Manuel Castagna u Katrin Bondin Carter wieġbu mhux ħatja għal numru t’akkużi fosthom falsifikazzjoni ta’ dokumenti.