09:45 – Il-Maġistrat Nadine Lia pposponiet il-kawża sakemm tieħu deċiżjoni għal dawn it-talbiet.
L-avukat William Cuschieri li qed jidher għal George Degiorgo qal li t-talba li għamlet il-prosekuzzjoni u l-avukat parte civile ma jagħmlu l-ebda differenza għal Degiorgio hekk kif f’dawn il-proċeduri huwa qed jitressaq b’rabta mal-każ ta’ Carmel Chircop. Fakkar ukoll kif Degiorgio diġá qed jaffaċċja akkużi b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia quddiem Qorti oħra.
09:30 – Jason Azzopardi, li qed jidher bħala parte civile għall-familja Caruana Galizia għamel talba lill-Qorti sabiex l-Maġistrat Nadine Lia tirrikuża ruħha milli tippresjedi din il-kumpilazzjoni. Huwa stqarr li għamel dan mhux għax hemm riflessjoni fuq l-integritá personali tal-Maġistrat Lia madankollu għamel dan b’rabta ma’ digriet li għamlet l-istess Maġistrat fl-2019 fil-kawża tal-Pulizija kontra Yorgen Fenech u f’numru ta’ kawżi oħra.
09:25 – Għal George Degiorgio kellu jidher l-avukat William Cuschieri. Jamie Vella baqa’ ma tressaqx il-Qorti minħabba li għadu pożittiv għall-COVID-19. Dan intqal f’ċertifikat mediku li ġie ppreżentat lill-Qorti mill-Kurunell Alex Dalli. Iċ-ċertifikat qal li r-raġel baqalu sal-11 ta’ Marzu 2021 taħt kwarantina mandatorja.
Aktar Qabel: Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, il-Ġimgħa filgħodu mistennija tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar kif ukoll George Degiorgio li kollha qed jiġu akkużati li kienu involuti fl-omiċidji tal-avukat Carmel Chircop u dak ta’ Daphne Caruana Galizia.
Huma qed jiġu akkużati wkoll b’reati marbuta ma’ ħasil ta’ flus.
It-tlett imputati ġew arrestati f’numru ta’ rejds li saru mill-Pulizija matul il-ġimgħa li għaddiet wara l-ammissjoni ta’ ħtija ta’ Vincent Muscat magħruf bħala l-Koħħu għall-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dakinhar, Muscat ngħata sentenza ta’ ħmistax-il sena priġunerija għall-omiċidju ta’ Caruana Galizia. Huwa ngħata wkoll proklama għall-involviment tiegħu fl-omiċidju tal-avukat Chircop li kien seħħ f’Birkirkara. B’din il-proklama Muscat wassal lill-investigaturi f’dawn iż-żewġ każijiet għal dawn l-arresti. Rapporti li dehru fuq il-midja din il-ġimgħa qalu wkoll li Muscat mistenni jibqa’ jgħin lill-Pulizija f’numru ta’ każijiet passati oħra.