L-akkużat bil-qtil u stupru tal-Pollakka, Abner Aquilina qal kif huwa kien imġiegħel mix-xitan sabiex imur wara t-tfajla għaliex kienet miexja b’mod mgħaġġel.
Dan ħareġ fix-xhieda tal-Ispettur Jonathan Ransley fil-bidu tal-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Abner George Aquilina ta’ għoxrin sena li jgħix iż-Żejtun.
Ransley xehed dak li skont hu qallu l-akkużat.
L-Ispettur Jonathan Ransley xehed kif il-pulizija rċeviet informazzjoni li kien hemm persuna mixħuta mal-art fi ġnien l-Indipendenza għall-ħabta tas-sitta u għoxrin ta’ filgħodu. Intqal kif kien Amerikan li ra x-xena tad-delitt u sab lill-Pollakka mejta.
L-Ispettur spjega kif il-vittma nstabet nofsha għarwiena u ntqal kif mal-ħadid instab ftit minn xagħarha. Fix-xena tad-delitt instabu żarbun u affarijiet tagħha madwar il-katavru.
Intqal kif uffiċjal mill-għassa ta’ San Ġiljan infurmah li għall-ħabta tas-sitta neqsin għaxra ta’ filgħodu, żagħżugħ ġie arrestat wara li daħal fil-Knisja tal-Ballutta wara li qajjem kommossjoni.
Ġie spjegat kif hawnhekk iż-żagħżugħ qeleb l-ambone u mar fuq il-qassis biex jiktiblu fuq karta, li mhuwiex kriminal.
Ġie spjegat kif Aquilina ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, hekk kif huwa deher li kien aġitat u kellu xi grif f’idejh.
Hawnhekk marru l-pulizija jkellmuh fejn qal li beda jsegwi tfajla, fejn qal li hija kienet għadha żgħira u kellha barnuża, b’din il-barnuża tinstab viċin il-vittma.
Fil-Qorti ntqal kif Aquilina ħaseb li t-tfajla kienet Maltija, iżda rriżulta li t-tfajla mejta kienet Pollakka u rriżulta wkoll li ma kienx kellem lit-tfajla.
Intqal kif fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, marret omm Abner u qalilha biex tmur ’l hemm biex ma jseħħx delitt ieħor.
Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Jonathan Ransley qal li Paulina Dembska nqatlet hekk kif Aquilina qabeż fuqha u fgaha, waqt li anke nkisrulha l-kustilji.
L-Ispettur tal-Pulizija xehed li għal bidu trattat iż-żewġ każijiet, jiġifieri tal-kommossjoni fil-Knisja tal-Balluta u l-omiċidju, b’mod separat, iżda minħabba li l-każijiet ġraw viċin xulxin marru jkellmu liż-żagħżugħ, li rriżulta li huwa s-suspettat ewlieni fl-omiċidju.
L-imputat qal mal-Pulizija li fil-bidu kien se jattakka żewġ irġiel b’ċavetta ta’ mutur, iżda minħabba li kienu tnejn m’attakkahomx.
L-Ispettur Ransley qal kif Abner Aquilina kellu l-kalzetti blu skuri u fuqhom kien hemm ċappep tad-demm.
Fil-Qorti ntqal kif il-Pulizija kellmu lill-omm l-imputat, li qalet kif binha kien jagħmel użu mid-droga, iżda fl-aħħar żmien qata’ d-droga għax beda jmur fi grupp reliġjuż, dak tar-River of Love.
Omm Abner qalet mal-Pulizija li Abner kien xtaq isir stuntman u ftit qabel l-omiċidju, l-imputat kien qata’ idejh b’sikkina.
Il-Pulizija, waqt l-investigazzjonijiet tagħha, segwiet il-movimenti ta’ Aquilina permezz ta’ filmati tas-sigurtà, fejn raw lill-imputat irodd is-salib darbtejn.
Waqt l-interogazzjoni mal-Pulizija ftit taż-żmien wara, Abner Aquilina beda jgħid li nesa’, waqt li beda jagħmel diversi mossi strambi biex iddejjaq lill-pulizija.
Hawnhekk, l-akkużat semma l-film ‘A Clockwork Orange’. Intqal kif f’dan il-film hemm il-protagonista tal-film bl-isem ta’ Alex, kien stuprat meta kien żgħir u meta kiber huwa beda jistupra n-nies u wara huwa sab ir-refuġju fir-reliġjon.
Mal-Pulizija qal kif huwa kien abbużat sesswalment meta kellu erbatax-il sena minħabba d-droga.
Fl-interogazzjoni huwa tkellem dwar is-Sataniżmu u ddeskriva moħħu dak il-ħin bħala “cooker”. Huwa spjega mal-Pulizija kif huwa beda jħossu mmexxi minn xi qawwa.
Intant Abner Aquilina ma kienx preżenti minħabba li jinsab fi kwarantina u segwa permezz ta’ videoconferencing.
Aġġornamenti skont il-ħin
11:44 – Intemmet hawnhekk ix-xhieda għal-lum, bil-Maġistrat Farrugia tgħid kif skont iċ-ċertifikat jgħid li l-imputat għandu kwarantina sas-27 ta’ Jannar. Intqal kif is-seduta li jmiss se ssir fl-4 ta’ Frar.
Intqal kif dakinhar suppost l-imputat se jkun jista’ jkun preżenti fl-awla.
L-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Abner George Aquilina tintemm hawnhekk u l-Maġistrat Farrugia ħarġet mill-awla.
11:42 – Intqal kif l-entità ġiet imqabbda sabiex tagħmel riċerka dwar il-mutur. Intqal kif il-mutur kien irreġistrat fuq Abner Aquilina minn Settembru tas-sena l-oħra.
11:40 – Tintemm ix-xhieda tal-ispettur Jonathan Ransley.
Issa daħal fl-awla, uffiċjal ta’ Transport Malta sabiex jixhed dwar il-mutur ta’ Abner Aquilina.
11:35 – Issa qam jistaqsi l-Avukat tad-Difiża lill-Ispettur, fejn dan tal-aħħar spjega kif fil-Knisja tal-Ballutta, Abner ixxutja l-ambone.
11:34 – Fl-interogazzjoni, l-imputat semma l-film ‘A Clockwork Orange’. Intqal kif f’dan il-film hemm il-protagonista tal-film bl-isem ta’ Alex, kien stuprat meta kien żgħir u meta kiber huwa beda jistupra n-nies. Wara dan il-persuna beda jsib ir-refuġju fir-reliġjon.
Mal-Pulizja, Abner Aquilina tkellem fuq is-Sataniżmu u ddeskriva moħħu dak il-ħin bħala “cooker”. Aquilina spjega mal-Pulizija kif huwa beda jħossu mmexxi minn xi qawwa. Intqal kif kien se jdur għal żewġt irġiel biċ-ċavetta tal-mutur.
11:32 – Meta mistoqsi dwar il-qtil beda jgħid li nesa’ u qal kif ma kienx viċin ġisem mejjet.
11:31 – Intqal kif bejn it-12 u t-13 ta’ Jannar, l-imputat ġie interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, fejn hawnhekk l-imputat beda jagħmel diversi mossi strambi.
11:28 – L-Ispettur spjega li Paulina Dembska mietet fgatha u nstab ksur fil-kustilji.
11:25 – Raġel li jgħix Tas-Sliema, li kien mixi max-xatt, tkellem mal-Pulizija fejn qal kif ra raġel, jirreferi għall-imputat, li ħaseb li kien qed jagħmel il-pushups. Dan ir-raġel qal li taħt Aquilina dehru par saqajn, li jidhru li kienu tal-vittma. Intqal kif Abner Aquilina kien liebes b’kulur maroon. L-Ispettur spjega kif filmat tas-sigurtà juri lil Aquilina mixi u jrodd is-salib darbtejn.
11:18 – Ommu qalet mal-Pulizija li Abner xtaq ikun stuntman u ftit ġimgħat qabel l-omiċidju l-imputat qata’ idejh b’sikkina.
Dan intqal minn ommu hekk kif il-Pulizija sabet il-mutur ta’ Aquilina li fuqu kien hemm xi demm u anke nstabet biċċa tax-xagħar.
11:17 – Meta l-imputat ġie mistoqsi dwar il-każ qal li fil-bidu kien se jdur għal żewġt irġiel li kien hemm qabel, imma minħabba li rahhom tnejn ma darx għalihom. Qal li imbagħad meta ra tfajla waħidha dar għaliha.
Meta mistoqsi dwar kif qatilha huwa għamel sinjal li qabeż fuqha.
L-Ispettur qal kif huwa kellu kalzetti blu skur u kien hemm ċapep tad-demm.
L-Ispettur spjega kif huwa flimkien ma’ uffiċjal ieħor marru jkellmu lil ommu, li qalet magħhom kif kien jagħmel użu mid-droga u li dan l-aħħar beda jmur f’gruppi tar-reliġjon.
11:04 – Qal kif xi siegħa wara li kien fuq il-post, ċempillu uffiċjal u qalu dwar x’ġara fil-Knisja tal-Ballutta u kif f’idejhom hemm arrestat persuna.
11:02 – L-Ispettur Ransley spjega kif l-ewwel rapport tal-Pulizija kien dak li kien hemm kommosjoni ġewwa l-Knisja tal-Ballutta u dan ir-rapport daħal fl-Għassa ta’ San Ġiljan. Spjega li għal ħabta tas-sitta u nofs ċemplulu li kien omiċidju f’Tas-Sliema.
10:58 – Jerġa’ jidħol f’Awla 22, l-Ispettur Jonathan Ransley sabiex ikompli jixhed.
10:54 – L-Avukat tal-Parte Civile qal li l-Pulizija kienet qed tinvestiga żewġ każijiet, wieħed ta’ stupru u qtil brutali fi ġnien f’Tas-Sliema u l-każ l-ieħor fejn żagħżugħ qeleb ambone fil-Knisja tal-Ballutta. Qal li wara iktar investigazzjonijiet, il-Pulizija spiċċat waslet biex irriżulta li ż-żewġ każijiet saru mill-istess persuna.
10:50 – L-Avukat tad-Difiża Mario Mifsud argumenta li l-imputat ried id-drittijiet tiegħu, hekk kif Abner Aquilina talab li jkollu avukat.
10:43 – Dr Filletti qal kif il-pulizija ma tistax dejjem taqra id-drittijiet tal-persuna, speċjalment meta persuna titkellem minn jeddha.
10:36 – Hawnhekk qam l-Avukat tad-Difiża fejn qajjem il-punt sabiex il-Pulizija turi li l-imputat ingħata d-drittijiet tiegħu. Hawnhekk l-Ispettur qal li l-imputat ma ġiex interrogat, iżda mitkellem.
Hawnhekk qam l-Avukat tal-Parte Civile Stefano Filletti u qal sabiex ix-xhieda tkun sospiża, sakemm jgħaddi l-punt tiegħu.
10:35 – Meta beda jiġi interrogat mill-pulizija, mill-Ispettur Wayne Camilleri, l-imputat qallu li beda jsegwi tfajla. Qal li hija kienet għadha żgħira u kellha barnuża, li filfatt instabet viċin il-vittma. Qal kif l-imputat qal li t-tfajla li beda jsegwi kienet Maltija, iżda rriżulta li t-tfajla li nstabet kienet Pollakka u rriżulta li huwa ma kienx kellem lit-tfajla.
10:28 – Intqal kif Abner Aquilina ttieħed fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana wara li beda jidher li huwa aġitat.
10:26 – L-Ispettur spjega kif kif Surgent infurmah kif għall-ħabta tas-5:50am kien arrestat żagħżugħ, li rriżulta li hu l-imputat. Dan wara li daħal fil-Knisja tal-Balluta wara li qajjem kommossjoni.
10:25 – Il-Pulizija spjega kif il-vittma nstabet nofsha għarwiena u ntqal kif mal-ħadid instab ftit minn xagħarha.
10:23 – Imbagħad tela’ jixhed l-Ispettur Jonathan Ransley, fejn qal kif il-pulizija rċeviet informazzjoni li hemm persuna mixħuta mal-art fi ġnien l-Indipendenza, għall-ħabta tas-6:20am. Kien Amerikan li ra x-xena tad-delitt u sab lill-Pollakka mejta.
10:22 – L-ewwel li tela’ fuq il-pedana tax-xhieda kien l-uffiċjal mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, Paul Dimech fejn ippreżenta ċ-ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa fejn ħareġ li Abner Aquilina ma jistax jattendi għas-seduta tal-lum minħabba l-kwarantina mandatorja.
10:17 – Preżenti f’Awla 22 hawn l-Ispettur Jonathan Ransley, l-Avukat tal-Parte Civile Stefano Filletti u l-Avukat tad-Difiża Mario Mifsud.
Jidħol b’mod virtwali l-akkużat Abner Aquilina u ftit wara tidħol il-Maġistrat Marsanne Farrugia.
10:10 – Fis-seduta tal-lum mhux se jkun hawn preżenti l-akkużat, Abner Aquilina minħabba li jinsab fi kwarantina. L-akkużat se jkun qed isegwi s-seduta tal-lum b’mod virtwali.
Aktar Qabel
Dalgħodu għal ħabta tal-għaxra mistennija tibda l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ Abner George Aquilina ta’ 20 sena li jgħix iż-Żejtun, quddiem il-Maġistrat Marsanne Farrugia.
Aquilina qed jiġi akkużat li fit-tieni jum tas-sena qatel u stupra lil Pollakka, Paulina Dembska ta’ 29 sena fi ġnien f’Tas-Sliema.
Aquilina ġie arrestat dakinhar tal-omiċidju, iżda nżamm fl-Isptar Monte Karmeli sakemm il-ġimgħa l-oħra tressaq il-Qorti u wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.