Seba’ persuni li l-età tagħhom tvarja bejn 21 u 27 sena, ilkoll ta’ nazzjonalità Sirjana, inżammu arrestati b’rabta’ ma’ tixrid ta’ materjal estremist.
Il-Qorti nfteħet b’urġenza l-Ħadd filgħaxija biex tressqu quddiemha Ajil Al Muhsen ta’ 21 sena, Adnan Maashi ta’ 21 sena, Yazan Abdulaziz ta’ 26 sena, Ahmed Kadaz ta’ 25 sena, Khalil Al Hamoud ta’ 21 sena, Ahmed Ahmed ta’ 27 sena, u Mohammed Mohammed ta’ 24 sena.
ġew akkużati li fost l-oħrajn ipprovokaw pubblikament l-għemil ta’ xi attivitajiet terroristiċi, u li rreklutaw jew ħajru u għallmu lil xi persuna biex tagħmel attivitajiet terroristiċi jew biex tivvjaġġa għal din ir-raġuni.
Huma ġew akkużati wkoll li tħarrġu dwar l-użu ta’ armi tan-nar u splussivi, li vvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea biex iwettqu, jippjanaw jew jippreparaw attivitajiet terroristiċi, li ffianzjaw tali attivitajiet u li ddistribwew xi pubblikazzjoni li tinkoraġġixxi attivitajiet terroristiċi.
L-akkużati tressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa, Astrid May Grima, wara li operazzjoni konġunta bejn il-Pulizija Maltija u l-Europol wasslet għall-arrest tagħhom is-Sibt filgħodu.
Il-validità tal-arrest ma kinitx ikkontestata.
L-akkużati kollha wieġbu li m’humiex ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni għamlet talba sabiex tinħareġ ordni ta’ qbid u ffriżar u tissekkwestra l-flejjes u l-proprjetà kollha tal-imputati.
Min-naħa tagħha, id-Difiża qalet li dan il-mandat għandu jirrefletti biss l-introjtu u l-gwadann tal-imputati fil-perjodu tal-allegati akkużi. Hija argumentat li dan qiegħed jintalab għax ma jagħmilx sens li jiġu ssekkwestrati assi li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dawn l-allegazzjonijiet.
Dwar din it-talba ma qablitx il-Prosekuzzjoni, li kkwotat il-liġi ta’ Malta li tgħid li s-sekwestru jista’ jsir fuq l-assi kollha tas-suspettati imputati. Hija argumentat li l-liġi ma tiddistingwix bejn l-assi li jkunu ġew gwadanjati fi żmien li jkun investigat u qabel. Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li dan il-punt kien kristallizzat b’diversi digrieti li ħarġu l-Qrati Maltin fil-passat.
Il-Qorti, wara li semgħet it-trattazzjoni, laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u kkonfiskat l-assi kollha tal-imputati. Barra minn hekk, ipprojbiet lill-imputati milli jiddisponu jew jitrasferixxu xi assi li għandhom.
Il-Qorti orndat lid-Direttur tal-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi sabiex ifittex l-assi kollha li huma taħt il-kontroll tal-imputati.
F’dan l-istadju ma saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-ebda wieħed mill-imputati u, għaldaqstant, l-imputati baqgħu jinżammu taħt arrest.