Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bl-omiċidju ta’ Eric Borg ta’ 27 sena fl-ewwel jum tas-sena fir-Rabat stess. Hu tressaq il-Qorti akkużat b’erba’ atti ta’ akkuża, fosthom li qatel lill-vittma u spara arma tan-nar f’żona abitata.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Avukat Kaylie Bonett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispetturi Wayne Camilleri u Godwin Scerri, spjegat li fl-ewwel jum tas-sena għall-ħabta tat-3:30 ta’ waranofsinhar daħal rapport li ġew sparati żewġ tiri minn senter fi Triq il-Fidloqqom fir-Rabat, fl-inħawi tan-Nigret.
Intqal li l-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post, fejn sabet lill-vittma bla ħajja u bdiet investigazzjoni mill-ewwel. Il-Prosekuzzjoni tenniet li minn fuq il-post ġiet mgħarrfa li l-imputat kien persuna ta’ interess fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija.
Jirriżulta li kien għall-ħabta tal-5:15 ta’ waranofsinhar meta l-Pulizija kienet se tipproċedi għall-arrest tiegħu, ġiet informata li l-imputat mar biex jagħti ruħu b’idejh fl-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat fejn ġie arrestat minnufih.
L-avukati difensuri, li huma Dr Arthur Azzopardi, Dr Jacob Magri u Dr Alex Miruzzi, talbu lill-Prosekuzzjoni biex malajr kemm jista’ jkun jitressqu ’l quddiem id-dokumenti mediċi tal-imputat kemm mill-Isptar Mater Dei kif ukoll mill-Isptar Monte Karmeli.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella, l-avukati difensuri qalu wkoll li mhux se jkunu qed jitolbu l-libertà proviżjorja tal-imputat.
Id-difiża għamlet ukoll talba biex l-espert psikjatriku fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikollu aċċess għad-dokumenti mediċi ħalli jieħu deċiżjoni jekk jinżammx fil-Faċilità Korrettiva jew fl-Isptar Monte Karmeli.
Azzopardi, li qal li bħalissa m’għandu l-ebda mpjieg, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
AKTAR QABEL DIRETT MILL-QORTI:
12:46 – L-imputat Noel Azzopardi jinħareġ ‘il barra mill-awla u se jittieħed lejn il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin.
12:44 – Saret talba wkoll biex l-esperti psikjatriku fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin għandu jkollu aċċess għad-dokumenti mediċi biex jieħu deċiżjoni jekk jinżammx fil-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin jew fl-Isptar Monte Karmeli.
12:44 – L-Avukati difensuri qalu wkoll li mhux se jkunu qed jitolbu l-liberta provizorja tal-imputat.
12:42 – F’isem il-Prosekuzzjoni tkellmet ukoll l-Avukat Kaylie Bonett f’isem l-Avukat Ġenerali qalet li l-espert mediku mqabbad fl-inkjesta se jkun qed iressaq dawn id-dokumenti.
12:41 – Id-difiża talbet lill-Prosekuzzjoni biex malajr kemm jista’ jkun jitressqu ‘l quddiem d-dokumenti mediċi tal-imputat kemm mill-Isptar Mater Dei u mill-Isptar Monte Karmeli.
12:38 – F’isem il-Prosekuzzjoni tkellem l-Ispettur Wayne Camilleri, fejn qal li fl-ewwel ta’ Jannar għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar daħal rapport li kien hemm żewġ sparaturi. Intqal li l-Pulizija bdiet tinvestiga mal-ewwel u fuq il-post ġiet mgħarrfa li l-imputat kien persuna ta’ interess. Għall-ħabta tal-ħamsa u kwart ta’ waranofsinhar, meta l-Pulizija kienet se tipproċedi għall-arrest tiegħu, ġiet mgħarrfa li fl-Għassa tar-Rabat, l-imputat mar jagħti ruħu b’idejh u ġie arrestat minnufih.
12:37 – Noel Azzopardi wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
12:36 – Fil-Qorti l-imputat jgħid li jismu Noel Azzopardi, għandu 39 sena u jgħix ir-Rabat. Jgħid ukoll li bħalissa m’għandux xogħol.
12:33 – Tidħol fl-awla l-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella.
12:28 – Preżenti fl-awla hawn l-Avukati difensuri Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Alex Miruzzi.
12:27 – Fl-awla hawn preżenti numru ta’ Pulizija u Avukati, flimkien ma’ qraba tal-vittma u anki ġurnalisti.
12:20 – L-akkużat, Noel Azzopardi ddaħħal fl-awla mill-Pulizija.
Ninsabu f’Awla 11 tal-Qorti ta’ Malta, hekk kif għall-ħabta tan-nofs siegħa fit-tielet jum ta’ din is-sena l-ġdida mistenni jitressaq Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Eric Borg ta’ 27 sena mir-Rabat ukoll, li seħħ nhar it-Tnejn li għadda għall-ħabta tat-3:30pm. Dan meta seħħ argument, li qed ikun irrapportat li kien dwar għelieqi.
Eric Borg inqatel b’żewġ tiri ta’ senter mill-viċin u ġie ċċertifikat mejjet mit-tabib tal-emerġenza fuq il-post.
Noel Azzopardi se jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella. Is-suspettat ewlieni f’dan l-omiċidju ta ruħu b’idejh lill-Pulizija ftit wara li seħħ id-delitt u f’dawn l-aħħar sigħat kien interrogat mill-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali fil-Furjana.