Folla ta’ nies tibda tinġabar quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.
Il-President ta’ Malta George Vella jifraħ lill-Prim Ministru Robert Abela permezz ta’ telefonata. Huwa ħabbar dan permezz ta’ kitba fuq Facebook.
Ċelebrazzjonijiet madwar Malta u Għawdex.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino jgħid li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ikkonċeda t-telfa u ċempel lill-Prim Ministru Robert Abela.
Is-sala tal-għadd tal-voti ftit tal-minuti wara li tħabbret ir-rebħa għall-Partit Laburista.
Ir-rebħa tal-Partit Laburista tħabbret fil-11am mill-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.
Kien propju f’kollegament telefoniku fuq ix-xandir nazzjonali, li Dr Abela qal li l-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza assoluta tal-voti.
Il-Prim Ministru appella biex iċ-ċelebrazzjonijiet isiru b’responsabilità u b’rispett sħiħ lejn kulħadd.
Hawn saħaq fuq il-messaġġ ta’ ‘Malta Flimkien’ u kif il-poplu għamel għażla għall-futur ta’ pajjiżna.
L-ewwel indikazzjonijiet juru li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali 2022.
Wara li bdew jittieħdu s-samples hekk kif il-voti nqelbu wiċċhom ’l fuq, jidher li l-Partit Laburista rebaħ din l-elezzjoni ġenerali.
Din ir-rebħa taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela hija meqjusa waħda storika mmens hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja, il-Partit Laburista ikun rebaħ tliet elezzjoni konsekuttivi bl-akbar maġġoranza ta’ voti mitfugħa.
Din hija l-ewwel darba wkoll li partit f’Malta se jkun kiseb 50% u aktar tal-voti għal tliet elezzjonijiet konsekuttivi.
B’din ir-rebħa ngħata l-ewwel mandat lil Dr Abela li issa qed jiġi kkonfermat Prim Ministru ta’ Malta u wieħed jistenna li għada huwa jkun qed jieħu l-ġurament mogħti mill-President ta’ Malta Dr George Vella.
Ta’ 44 sena, Robert Abela se jkun qed isir Prim Ministru għat-tieni darba wara li laħaq Mexxej tal-Partit Laburista sentejn ilu u sar ukoll il-Kap tal-Gvern Malti.
L-għadd tal-voti b’mod elettroniku.
Aġent ta’ partit jimmarka bir-reqqa s-sample.
Għaddiet man-nofs siegħa minn mindu l-poloz tal-vot bdew jitpoġġew wiċċhom ’l fuq.
L-aġenti tal-partiti għaddejjin bis-sample tagħhom filwaqt li l-voti anki qed jintefgħu fl-iscanners biex jingħaddu.
Bdew jinqalbu wiċċhom ’il fuq il-poloz tal-voti hekk kif l-aġenti tal-Partiti jinsabu wara l-perspex lesti biex isegwu l-andament tal-għadd tal-voti.
Hawnhekk l-aġenti tal-Partiti se jieħdu sample u nistennew li fil-ħin ta’ wara joħroġ riżultat indikattiv tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali.
Dan filwaqt li r-riżultat uffiċjali mistenni joħroġ b’mod uffiċjali tard illejla jew sbieħ it-Tnejn filgħodu.
Il-poloz tal-voti nqalbu kollha wiċċhom ’l isfel. Fid-9am mistenni jibda l-proċess li jinqelbu wiċċhom ’l fuq u hawnhekk l-aġenti tal-partiti jibdew jieħdu sample li se jkunu determinanti li fil-ħin ta’ wara joħorġu l-ewwel indikazzjonijiet marbuta mar-riżultat.
It-turnout f’din l-elezzjoni ġenerali kien ta’ 85.5%. Turnout ta’ 6.5% inqas minn ħames snin ilu.