Id-difiża tal-aħwa Alfred u George Degiorgio, mixlija bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia rrifjutat li jsir il-kontro-eżami tal-middleman Melvin Theuma.
Dan hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Degiorgio.
Id-Difiża tal-aħwa Degiorgio talbet sabiex ma jkunx hemm il-kontro-eżami tax-xhud Melvin Theuma qabel ir-recordings fl-awla jiġu kkonfermati b’ġurament, fejn jiġu identifikati l-ilħna li jinstemgħu f’dawn ir-recordings.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet kif din it-talba tmur kontra żewġ digrieti tal-Qorti, li permezz tagħhom ordnat li l-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma jiġi konkluż. Fakkret kif id-difiża diġà għamlet il-kontro-eżami tagħha fuq dan ix-xhud.
L-Avukat Jason Azzopardi, li qed jidher għall-Parte Civile qabel ma’ dak li ntqal mill-Prosekuzzjoni.
Hawnhekk, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit innutat il-pożizzjoni tad-difiża u qalet kif hija ma tistax tmur kontra dak li ma tridx id-difiża.
Il-Maġistrat Stafrace Zammit bagħtet il-każ għal quddiem il-Qorti Kriminali.
10:11 – L-akkużati nħarġu ‘l barra mill-awla u reġgħu marru lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Is-Supretendent Keith Arnaud innota kif barra l-awla kien hemm il-middleman Melvin Theuma sabiex jixhed.
10:05 – Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit innutat il-pożizzjoni tad-difiża u qalet kif hija ma tistax tmur kontra dak li ma tridx id-difiża. Il-Maġistrat Stafrace Zammit bagħtet il-każ għal quddiem il-Qorti Kriminali u ħarġet ‘il barra mill-awla.
10:01 – Id-difiża tal-aħwa Degiorgio talbet sabiex ma jkunx hemm il-kontro-eżami tax-xhud Melvin Theuma, qabel ir-recordings fl-awla jiġu kkonfermati b’ġurament, fejn jiġu identifikati l-leħen jew l-ilħna li jinstemgħu f’dawn ir-recordings.
Il-prosekuzzjoni qalet kif din it-talba tmur kontra żewġ digrieti tal-Qorti, li permezz tagħhom ordnat li l-kontro-eżami ta’ Melvin Theuma jiġi konkluż. Fakkret kif id-difiża diġa għamlet il-kontro-eżami tagħha fuq dan ix-xhud.
Il-parte civile li qed tkun rappreżentata mill-Avukat Jason Azzopardi qablet ma’ dak li ntqal mill-Prosekuzzjoni.
Aktar qabel – Għall-ħabta tad-disgħa u nofs ta’ dalgħodu, f’awla 22, mistennija tkompli l-kumpilazzjoni fil-konfront tal-aħwa George u Alfred Degiorgio li jinsabu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017.
Illum quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit se jkun qed jixhed il-middleman f’dan il-qtil, Melvin Theuma.