Żewġ Marokkini, Mohamed Anas Boulam ta’ 37 sena, li jgħix Ħaż-Żebbuġ, u Zouhair Hadoumi ta’ 26 sena, li jgħix f’Tas-Sliema, u Donna Borg Sciberras, il-Maltija ta’ 29 sena li m’għandhiex fejn tgħix, inżammu arrestati, wara li ġew akkużati fil-Qorti b’rabta mal-hold-up minn ħanut tal-ġojjellerija fiż-Żurrieq.
Is-serqa seħħet nhar il-Ġimgħa filgħaxija fi Triq Dun Ġużepp Zammit.
It-tliet akkużati tressqu, fost l-oħrajn, fuq tmien atti ta’ akkużi, li jinkludu attentat ta’ qtil, li żammew lill-vittma kontra l-volontà tiegħu u akkużi ta’ serq. Fil-konfront ta’ Borg Sciberras waħedha wkoll kien hemm akkużi li kisret kundizzjonijiet imposti mill-Qorti u li hija reċediva.
Il-Prosekuzzjoni, immexxija minn żewġ avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u erba’ spetturi tal-Pulizija, spjegat li nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija daħal rapport fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żurrieq dwar serqa li saret minn ħanut fl-istess lokalità.
Minnufih marru l-Pulizija fuq il-post, fejn sabu lill-vittma, Joseph Carabott ta’ 67 sena mill-Fgura maqful fil-ħanut li kien imsakkar. Aktar tard hu ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Ġie spjegat li, fl-investigazzjonijiet, il-Pulizija elevat filmati mill-kameras tas-sigurtà biex ġew identifikati l-akkużati.
Il-Ħadd filgħaxija l-Pulizija marret biex tarresta lit-tliet imputati minn dar f’Tas-Sliema u dawn ipprovaw jaħarbu, iżda nqabdu mill-Pulizija.
It-Tnejn, ONE News żvela l-identità tal-Maltija li diġà għandha numru ta’ każi simili li ġiet akkużata bih it-Tlieta.
Waqt li l-akkużati wieġbu li mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom, l-avukati difensuri m’għamlu l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, b’dan ifisser li kellhom jinżammu arrestati fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo, ordnat protezzjoni fil-konfront tal-vittma.
Qabel bdiet din is-seduta, x’ħin it-tliet akkużati ddaħħlu fl-awla numru 12, Donna Borg Sciberras ħebbet għal wieħed mill-imputati u bdiet toffendih u kellha tiġi mrażżna mill-Pulizija, li kienu preżenti.