Baqgħu jinżammu arrestati l-ħabs Sean Attard ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ, Carlos Pace ta’ 23 sena mill-Marsa, Youseff Essesi ta’ 33 sena minn San Pawl il-Baħar u Cleaven Pace ta’ 19-il sena mill-Marsa li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi b’rabta mas-serqa ta’ 200kg kannabis mill-barracks tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi. Huma ġew akkużti wkoll li d-droga li nstabet ma kinetx għall-użu esklussiv tagħhom u li huma riċedivi.
L-akkużati, minn tmienja li arrestat s’issa l-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ, tressqu l-Qorti l-Erbgħa filgħaxija.
Fl-aqwla l-Prosekuzzjoni spjegat li l-Pulizija għamlet investigazzjonijiet intensivi biex iwettqu l-arresti b’rabta ma’ din is-serqa. Meta saru l-arresti matul il-ġurnata, Cleaven Pace ammetta li kien fuq il-post fil-ħin tas-serqa.
Sadanittant ġie spjegat li l-Ħamis se tkun qed titressaq persuna oħra b’rabta ma’ dan il-każ u intqal li b’kollox hemm 12-il persuna arrestata, inkluż burdnara li ħadu l-kontejner fil-post ukoll.
Intqal li dak il-ħin tas-serqa, fl-istqarrija li għamel Cleaven Pace mal-Pulizija, huwa ammetta li kien fuq il-post fil-karozza mat-tfajla tiegħu, flimkien ma’ karozza oħra ta’ lewn sewda, però meta tlestiet l-allegata serqa, dawn il-persuni telqu minn fuq il-post u marru lejn Ħaż-Żebbuġ fejn allegatament ħbew id-droga.
Il-Prosekuzzjoni qalet li missier Cleaven Pace ġabu hu stess l-għassa għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħaxija tal-bieraħ, fejn hemm ingħatawlu d-drittijiet, wara li kien qiegħed jiġi mfittex minn filgħodu.
L-akkużati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
L-avukat Farnco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest għall-akkużat Cleaven Pace biss.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u bħalissa l-Pulizija għadha għaddejja b’ritmu tajjeb li saru tnax-il arrest u saru biss ftit sigħat ilu u għadhom qed isiru t-tfittxijiet tad-droga. Intqal li minkejja l-età tenera tal-imputat, huwa qed jiġi akkużat li hu riċediv.
Id-Difiża qalet li f’dan l-istadju ma talbietx għall-ħelsien mill-arrest għall-akkużati l-oħrajn, imma fil-każ ta’ Cleaven, jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, se jkun qed jobdi għal kull kundizzjoni tal-Qorti.
Wara li semgħet is-sottomisjonijiet, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Cleaven Pace u għalhekk l-erba’ imputati baqgħu jinżammu arrestati.
Il-Qorti laqgħet it-talba ta’ ordni ta’ ffriżar ta’ kważi erbatax-il elf ewro fil-konfront tal-akkużati.