Fi tliet rejds mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga, ġew arrestati seba’ persuni wara li nstab ammont konsiderevoli ta’ droga eroina u kokaina lesta għat-traffikar.
Fi stqarrija tal-Pulizija spjegat li wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq residenza u remissa fl-inħawi ta’ Triq is-Serkin u Triq it-Tiġrija, il-Marsa, nhar it-Tlieta filgħaxija l-Pulizija arrestat erba’ persuni li għandhom bejn is-17 u l-24 sena.
Fir-remissa fi Triq it-Tigrija nstabu qratas suspettati eroina u kokaina, kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti.
Mill-istess post il-Pulizija kkonfiskat ukoll apparat elettroniku fosthom kameras tas-sigurtà u monitors, tliet karozzi tal-għamla BMW, Jaguar u Mercedes u ammont ta’ deheb.
Fuq il-post issejħu uffiċjali mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali hekk kif fir-remissa kien hemm żiemel tat-tiġrija u kelb pitbull.
F’rejd ieħor, din id-darba f’residenza privata fi Triq is-Serkin, il-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina u eroina li wkoll kienet lesta biex tkun traffikata.
B’kollox instabu mal-120 qartas droga.
L-erba’ persuni li ġew arrestati f’dawn l-istess rejds tressqu l-Qorti aktar kmieni l-Ħamis quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.
Madankollu fis-seduta l-Avukat tad-Difiża Franco Debono sostna li l-arrest ta’ tlieta mill-imputati huwa invalidu. Dan hekk fil-każ tal-imputat ewlieni li ħareġ divjett fuq ismu, id-difiża wara sottomissjonijiet ġuramentati mill-Prosekuzzjoni nnutat li ma ġiex preżentat mandat t’arrest fil-konfront tiegħu.
Fil-konfront taż-żewġ imputati l-oħra, jiġifieri Melchior Portelli ta’ 24 sena mill-Marsa u Loredana Agius Portelli ta’ 24 sena hawn id-difiża sostniet li dawn ma ngħatawx karta b’kopja tad-drittijiet li għandhom huma meta jiġu arrestati mill-aktar fis, kif titlob il-liġi.
Għalhekk il-Maġistrat Josette Demicoli ordnat l-arrest ta’ dawn it-tliet imputati invalidu.
Affaċċjati bl-akkużi fost oħrajn ta’ traffikar ta’ droga u pussess aggravat fost oħrajn, l-imputati kollha wieġbu mhux ħatja.
Intant quddiem il-Qorti f’każ separat, tressaq ir-raba’ imputat bl-isem ta’ Luke Orsini li nqabad fir-rejd li l-Pulizija wettqet fir-Remissa fil-Marsa.
Hawnhekk l-arrest tal-akkużat mixli b’pussess aggravat ta’ droga kokaina u eroina u li huwa reċediv, ġie dikjarat li kien validu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Orsini fuq diversi kundizzjonijiet u fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,000.
Intant il-ħidma mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ssoktat l-Erbgħa wara nofsinhar, fejn ġew arrestati tlett irġiel, li għandhom bejn l-20 u t-30 sena.
ONE News għandu f’idejh filmati esklussivi ta’ rejd minnhom f’Ħal Qormi u li qed ixandar wara li twettqu r-rejds.
Il-pulizija qalet li wara informazzjoni li l-irġiel kienu qegħdin jagħmlu użu minn vetturi differenti, u li kienu fil-pussess tad-droga, il-Pulizija bdiet issegwihom minn distanza sakemm twaqqfu fi Triq l-Imdina, Ħal-Qormi.
Wara li saret tfittxija fil-vettura ta’ wieħed mis-suspettati, il-Pulizija sabet kwantità ta’ droga suspettata kokaina, allegatament lesta għat-traffikar.
Il-Pulizija kkonfiskat ukoll ammont ta’ flus kontanti filwaqt li għamlet tfittxijiet oħra fir-residenzi tagħhom, kif ukoll f’showroom tal-karozzi.
L-investigazzjonijiet fuq it-tliet persuni arrestati f’Ħal Qormi għadhom għaddejjin.
Aktar Qabel:
17:36 – Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €8,000.
Il-kundizzjonijiet jinkludu li ma jistax isiefer jew jinħeba, la jitkellem jew javviċina x-xhieda tal-Prosekuzzjoni, li ma jitressaqx il-Qorti fuq każ ieħor, jrid jiffirma l-għassa kull nhar ta’ Tnejn, Erbgha u Sibt u li jinġabar fid-dar tiegħu bejn 11pm u 7am.
17:30 – Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
17:22 – F’każ separat tressaq quddiem il-Qorti r-raba’ imputat bl-isem ta’ Luke Orsini li nqabad fir-rejd li l-Pulizija wettqet fir-Remissa fil-Marsa.
Hawnhekk ukoll id-difiża kkontestat ukoll l-validità tal-arrest tar-raba’ imputat li tressaq separatament mit-tlett imputati l-oħrajn.
Bħal fil-każ ta’ qabel il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Justyne Grech tat rendikont tal-arrest u l-kuntest tiegħu b’rabta mal-imputat.
Hawn hija spjegat li ngħatatlu l-ittra bid-drittijiet f’idu u li ġew spjegati lilu wkoll.
Waqt is-sottomissjonijiet tela’ jixhed ukoll s-Supretendent Keith Arnaud. Huwa spjega li fil-fatt kien hemm mandat biex ir-remissa tiġi mfittxija iżda mhux għall-arrest. Tenna li l-imputat ġie mgħarraf li se jiġi arrestat wara li nstabet id-droga fuq il-post.
Hawnhekk, il-Maġistrat Josette Demicoli ddikjarat dan l-arrest validu u lill-imputat spjegatlu li qed ikun akkużat b’pusses aggravat ta’ droga kokaina u eroina u li huwa riċediv.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest madankollu l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat. Dan fost oħrajn minħabba l-possibiltà ta’ intralċ tal-provi hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.
Dan hekk kif mhux eskluż li hemm persuni oħra involuti hekk kif iż-żiemel li nstab fl-istalla huwa rreġistrat fuq persuna oħra.
16:28 – Kif prevvist, id-Difiża talbet għal divjett fuq isem wieħed mill-imputati. Il-Qorti laqgħet ukoll din it-talba.
16:27 – Il-Prosekuzzjoni talbet għal ordni tal-iffriżar tal-assi fil-konfront ta’ wieħed mill-imputati u Melchior Portelli. Id-Difiża oġġezzjonat għal dan madankollu l-Qorti laqgħet din it-talba.
16:25 – Wara li l-arresti ġew iddikjarati invalidi wieħed mill-imputati li ismu mhux qed insemmuh peress li jista’ jkun hemm talba ta’ divjett fuqu, wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Minn naħa tagħhom l-imputati Melchior Portelli ta’ 24 sena mill-Marsa u Loredana Agius ta’ 24 sena mill-Belt ukoll wieġbu mhux ħatja.
16:19 – Dwar iż-żewġ imputati l-oħra, il-Qorti qalet li minkejja ma kienx hemm mandat t’arrest għalihom dawn xorta ma ngħatawx karta b’kopja tad-drittijiet li għandhom huma meta jiġu arrestati mill-aktar fis.
B’hekk hawnhekk ukoll il-Qorti ddikjarat dawn l-arresti invalidu.
16:10 – Wara diversi minuti ta’ deliberazzjoni u wara li semgħet is-sottomissjonijiet kemm tad-difiża u anke tal-prosekuzzjoni, il-Maġistrat Josette Demicoli tenniet li l-Qorti ma tistax tikkonvalida l-arrest ta’ wieħed mill-imputati.
Dan hekk kif sa llum għadu ma rriżultax li ngħata kopja tal-mandat t’arrest. B’hekk l-arrest ta’ wieħed mill-imputat huwa invalidu.
15:10 – Wara aktar sottomissjonijiet kemm mid-difiża u anke mill-Prosekuzzjoni dwar il-kontestazzjoni tad-Difiża dwar il-validità tal-arrest, il-Maġistrat Josette Demicoli ssospendiet is-seduta għal ftit ħin.
14:32 – Is-seduta ġiet sospiża għal kwarta sabiex id-difiża titkellem mal-imputati.
14:28 – L-Avukat tad-Difiża Franco Debono qed isostni li l-arrest mhuwiex validu. Dan wara li l-Ispettur Justyne Grech taħt ġurament tenniet li ma kienetx fuq il-post sabiex tippreżenta search warrant meta l-Pulizija daħlet fid-dar li kien hemm l-imputati fiha u fittxet il-post. Dan hekk kif fl-istess ħin kienet preżenti fir-rejd li kien qed isir fir-remissa.
14:19 – Taħt ġurament l-Ispettur Justyne Grech spjegat il-kuntest wara l-arresti u dak li nstab ġewwa r-remissa u anke fid-dar fil-Marsa. Hija spjegat ukoll sa aktar kmieni llum b’rabta ma’ dan ġiet arrestata persuna oħra.
14:00 – L-imputati jinsabu kollha fl-Awla. L-Avukat tad-Difiża talab sabiex jikkonsulta mal-imputati qabel tibda l-preżentata tagħhom.
Insellmilkom – Bħalissa ninsabu f’Awla numru 1 fejn quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli se jkunu qed jitressqu 4 persuni li għandhom bejn 17 u 24 sena, li kienu arrestati mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’żewġ rejds separati.
Dawn ir-rejds saru t-Tlieta filgħaxija fi Triq is-Serkin u Triq it-Tiġrija fil-Marsa.
Erba’ persuni se jkunu qed jitressqu quddiem il-Qorti wara nstab ammont konsiderevoli ta’ droga eroina u kokaina lesta għat-traffikar. Fil-fatt b’kollox instabu mal-120 qartas droga suspettati eroina u kokaina.