Aleksandar Stojanovic wieġeb mhux ħati għall-qtil ta’ Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed u baqa’ jinżamm arrestat.
Dan wara li Stojanovic nnifsu tressaq fil-Qorti t’Għawdex l-Erbgħa filgħaxija quddiem il-Maġistrat Simone Grech mixli bl-omiċidju tal-Eġizzjan ta’ tlieta u erbgħin sena.
Il-Prosekuzzjoni permezz tas-Supretendent Keith Arnaud, fil-Qorti spjegat kif il-Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Maġġuri skattat bl-investigazzjoni fil-15 ta’ Jannar tal-2018 wara li Motaleb Mohamed instab mejjet b’tiri f’għonqu u sidru, liema investigazzjoni wasslu għall-arrest ta’ Stojanovic.
Arnaud tenna li l-imputat kien rilaxxat bil-police bail darbtejn sabiex jibqgħu għaddejin l-investigazzjonijiet.
Fuq talba tad-difiża Arnaud spjega wkoll li fl-aħħar ġimgħat kien hemm diversi xhieda li wara interrogazzjoni mill-Pulizija provdew informazzjoni importanti li kkorraborat dik li kellha l-Pulizija stess.
Dan filwaqt li tenna li nstabet il-vettura tal-imputat li kienet f’pussess ta’ persuni oħra li wkoll ġew interrogati.
Meta mistoqsi x’iwieġeb fil-konfront tal-akkużi li xlietu bihom il-Prosekuzzjoni, Stojanovic, wieġeb mhux ħati.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll sabiex jiġu ffriżati l-assi tal-imputat.
Talba li għaliha d-difiża oġġezzjonat.
Wara l-argumentazzjoni tal-partijiet differenti, il-Maġistrat Simone Grech laqgħet din it-talba.
Hekk kif id-difiża ma talbitx għall-ħelsien għall-arrest tal-imputat, huwa baqa’ jinżamm arrestat.
Aġġornamenti skont il-ħin
18:45 – L-akkużat se jkun qed jinżamm arrestat dan wara li d-difiża m’għamlitx talba għall-ħelsien mill-arrest.
18:37 – Wara l-argumentazzjoni taż-żewġ partijiet dwar l-ordni tal-iffriżar tal-assi, il-Maġistrat Simon Grech laqgħet it-talba.
18:17 – Meta mistoqsi x’iwieġeb fil-konfront tal-akkużi li xlietu bihom il-Prosekuzzjoni, Stojanovic wieġeb mhux ħati.
18:16 – Il-Prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Bernard Charles Camilleri talbu għall-iffriżar tal-assi.
Il-Prosekuzzjoni permezz tas-Supretendent Keith Arnaud spjegat li l-investigazzjoni skattat fil-15 ta’ Jannar tal-2018. Huwa qal li l-iskawdra tal-omiċidji skattat bl-investigazzjoni li wasslu għall-arrest ta’ Stojanovic.
Arnaud tenna li l-imputat kien rilaxxat bil-police bail darbtejn sabiex jibqgħu għaddejin l-investigazzjoni.
18:14 – Fuq talba tad-difiża Arnaud spjega li fl-aħħar ġimgħat kien hemm xhieda li wara interogazzjoni mill-Pulizija provdew informazzjoni importanti lill-Pulizija. Dan filwaqt li tenna li nstabet il-vettura tal-imputat li kienet f’pusses ta’ persuni oħra li wkoll ġew interrogati.
18:12 – L-akkużat mixli bil-qtil ta’ Eġizzjan tliet snin ilu fl-Għarb wieġeb mhux ħati.
18:10 – Is-Serb Aleksander Stojanovic qed jitressaq quddiem il-Maġistrat Simone Grech. Id-difiża hija mmexxija minn Dr Franco Debono assistit mill-Avukat Mario Camilleri.
Aktar Qabel
Aleksander Stojanovic, Serb ta’ 42 sena, mistenni jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej mixli bi qtil li ta’ Eġizzjan li seħħ tliet snin ilu f’Għawdex.
Hu qed jitressaq quddiem il-Qorti t’Għawdex wara li fl-aħħar jiem il-Pulizija għamlet passi ta’ ġgant wara informazzjoni ġdida li kisbet minn terzi persuni wasslet għas-sejbien tal-vettura tal-akkużat.
Stojanovic diġà xellef difrejh mal-ġustizzja hekk kif sitt snin ilu hu kien ġie kkundannat disa’ xhur ħabs wara serq ta’ bosta oġġetti minn karozza f’San Ġiljan.
Il-vittma f’dan il-każ kien Walid Salah Abdel Motaleb Mohamed, Eġizzjan ta’ 42 sena.
ONE News se jkun qed jaġġorna dan l-artiklu b’mod kontinwu bl-aħħar aġġornamenti.