Dalgħodu se jkomplu jinstemgħu l-akkużi kontra numru ta’ persuni u kumpaniji, kif ordnati mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
Wara li lbieraħ tressqu 14-il persuna u disa’ kumpaniji, fosthom l-eks Prim MInistru Joseph Muscat, illum se jinqraw akkużi fil-konfront ta’ 14-il persuna oħra, inklużi Chris Fearne u Edward Scicluna.
Din l-inkjesta tal-Maġistrat Vella damet erba’ snin u nofs biex tlestiet, minflok sittin jum, u ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali proprju dakinhar li fetħu n-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
10:50 – F’Awla 22 jidħol l-eks Ministru Chris Fearne, flimkien ma’ numru ta’ persuni oħra. Huwa ġie milqugħ quddiem il-binja tal-Qorti minn għadd ta’ persuni.
F’kummenti li ta lill-midja qabel daħal fil-Qorti, Fearne qal li huwa determinat li jkompli jiddefenti l-integrità tiegħu u li ħa kull deċiżjoni fl-interess tal-poplu u l-pajjiż, inkluż d-deċiżjoni tar-riżenja.
Saħaq kif kien hu li talab lill-Awditur Ġenerali sabiex jinvestiga l-konċessjoni fl-2016.
11:04 – Jidħol il-Maġistrat Leonard Caruana u tibda s-seduta.
Dawn kollha jinsabu fl-awla fejn se jitressqu l-akkużi li ħarġu mill-Inkjesta Gabriella Vella: Christopher Fearne, Edward Scicluna, Ronald Mizzi, Alfred Camilleri, Joseph Rapa, Kenneth Deguara, Kevin Deguara, Jean Carl Farrugia, Deborah Anne Chappell, Bradley Gatt, Aron Mifsud Bonnici, James Camenzuli, Manuel Castagna, Robert Borg, DF Advocates u DF Corporate Advisory Ltd.
Id-difiża hija rappreżentata mill-Avukati, Ezekiel Psaila, Jonathan Thompson, Joseph Mizzi, Franco Debono, Stefano Filletti, Maurice Meli, Michael Sciriha, Charles Mercieca, Steven Tonna Lowell, Giannella de Marco u Arthur Azzopardi.
Il-Prosekuzzjoni hija mmexxija mis-Supretendent Hubert Cini u l-Ispettur Wayne Rodney Borg, filwaqt li Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
11:10 – Fil-Bidu tas-seduta Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ppreżenta akkużi ġodda fil-konfront ta’ DF Corporate Advisory, hekk kif twaqggħu akkużi preċedenti. L-Akkużi tal-akkużati l-oħra kollha baqgħu l-istess.
11:28 – L-Avukat Difensur Filletti ġibed l-attenzjoni li jinsab imħasseb għall-fatt li t-Times of Malta u gazzetti oħra kellhom f’idejhom dawn l-akkużi minn jiem qabel id-difiża.
11:31 – L-Avukat Franco Debono talab biex l-akkużi ġodda kontra l-kumpanija jiġu rreġistrat għand ir-Reġistratur tal-Qorti, hekk kif instabu żbalji “frott l-għaġla.”
11:57 – Id-difiża u l-Prosekuzzjoni għadhom sa issa qed jiddibattu jekk dawn l-akkużi ġodda għandhomx jiġu rreġistrat formalment. Bil-Prosekuzzjoni tgħid li dawn ma jbiddlu l-ebda mill-mertu tal-kawża. Bid-deċiżjoni finali issa tkun tal-Maġistrat Caruana.
12:06 – Il-Maġistrat qal li wara li sema bir-reqqa is-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni u d-Difiża kollha (ħlief dik ta’ Chris Fearne, Edward Scicluna u Aaron Mifsud Bonnici hekk kif għażlu li ma jkunux parti minn din is-sottomissjoni), qal li l-Qorti qed tilqa’ it-talba tal-Prosekuzzzjoni u tordna s-sostituzzzjoni tal-att tal-imputazzjonijiet
12:18 – Id-difiża talbet sabiex tingħata l-ħin biex għal 20 minuta tqabbel l-imputazzjonijiet sostiwiti ma’ dawk li kienu tressqu fis-6 ta’ Mejju 2024. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezjonatx l-Qorti laqgħet dan.
12:57 – Is-seduta kompliet u qabel ma jinqraw l-akkużi b’ġurament, għadd ta’ Avukati Difensuri ġibdu l-attenzjoni li l-klijenti tagħhom kienu qed jiġu investigati mingħajr huma stess ma kienu jafu, filwaqt li wħud ma ngħatawx id-drittijiet tagħhom fosthom dak ta’ Avukat.
13:30 – L-Avukati Difensuri għadhom qed jiverbalizzaw fuq l-argument li d-difiża kollha għadha ma ratx l-evidenzi kollha li ħarġet mill-Inkjesta u għalhekk talbu li ma jinqrawx l-akkużi llum għax m’għandhomx biżżejjed żmien biex jistudjaw l-evidenza.
13:41 – B’reazzjoni għal dan, il-Prosekuzzjoni qalet li fl-ebda stadju ma kisret id-drittijiet fundamentali ta’ xi imputat u din dejjem imxiet ma’ dak li tobbligaha l-liġi.
14:04 – L-Avukati Difensuri kollha bħalissa qed jiribattu għal dan l-argument, fejn iridu aċċess għall-evidenza kollha.
14:12 – Is-seduta bdiet aktar minn tliet sigħat ilu u sa issa għadhom ma nqrawx l-akkużi.
14:31 – Id-difiża kollha issa formalment talbet lill-Qorti biex ma jinqrawx l-imputazzjonijiet fil-konfront tal-akkużati qabelma jiġi trattat id-digriet tal-20 ta’ Mejju u b’hekk siegħa oħra se tingħata d-deċiżjoni mill-Maġistrat.
15:57 – Mill-ġdid infetħu l-bibien ta’ awla 22 u fil-ħin li ġej mistennija tkompli s-seduta ppreseduta mill-Maġistrat Leonard Caruana.
16:07 – Jidħol il-Maġistrat Caruana u se titkompla s-seduta bil-qari tad-deċiżjoni.
16:09 – Il-Qorti ċaħdet id-talba tad-Difiża u b’hekk se jinqraw l-akkużi taħt ġurament.
Hawnhekk l-Avukati Difensuri kollha talbu biex jingħataw kopja tad-digriet mogħti mill-Maġistrat, fl-istess waqt li jinqara fl-awla.
16:17 – Is-Seduta ġiet sospiża għal ftit minuti oħra sakemm xi Avukati Difensuri jikkonsultaw mal-klijenti tagħhom.
16:29 – Għan-nom ta’ Kenneth Deguara, l-Avukat Debono qal kif se jdaħħal referenza kostituzzjonali għad-digriet mogħti, minħabba ksur ta’ dritt fundamentali ta’ smiegħ xieraq. Ħaġa li l-Maġistrat innifsu jrid jagħti deċiżjoni fuqha.
16:41 – Min-naħa tagħha l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba.
16:51 – Wara li l-Qorti semgħet dawn is-sottomossjonijiet qiset illi f’dan l-istadju la għadhom ma nqrawx l-imputazzjonijiet u l-proċess penali għadu ma bediex, ċaħdet it-talba tal-Avukat Debono.
16:52 – Għalhekk l-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerlai bdiet taqra l-akkużi.
17:15 – Waqt il-qari tal-akkużi, l-Avukat Rebekah Spiteri mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet kif il-prosekuzzjoni qed titlob l-iffriżat tal-assi ta’ erbgħa persuni u żewġ kumpaniji. Għal Kevin Deguara, Kenneth Deguara u Jean Karl Farrugia intalab l-iffriżar ta’ €20, €14 u €20 miljun. Għal Deborah Anne Chappel intalab l-iffriżar ta’ €40 miljun, filwaqt li għaż-żewġ kumpaniji DF Advocates u DF Corporate Advisory Ltd, intalab l-iffriżar ta’ €20 miljun kull wieħed.
17:18 – Qabel ma sar l-eżami tal-imputati, l-Avukati Difensuri talbu sabiex taħt ġurament fuq il-pedana tax-xhieda jistaqsu lill-Prosekuzzjoni għal kif waslu għall-akkużi moqrija. Intalab ukoll sabiex jiġi spjegat għala waslet għal dawn in-numri tal-iffriżar tal-assi.
17:40 – B’deċiżjoni għal din it-talba tad-difiża, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-prosekuzzjoni.
18:00 – L-Avuakti Difensuri għadhom jargumentaw li huma għandhom d-dritt sabiex jagħmlu l-kontroeżami tal-uffiċjali tal-prosekuzzjoni. Dan sabiex tindika x’sar matul l-investigazzjoni.
Is-seduta hija mill-ġdid sospiża.
18:31 – Wara xi ħin sospiża, is-seduta kompliet għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija, fejn mill-ġdid ċaħad it-talba tad-difiża biex isir kontro eżami.
18:45 – Id-difiża qed targument biex jiġi ppreżentat r-rapport tal-Pulizija dwar il-każ, qabel ikun hemm l-eżami tal-imputati.
19:10 – Il-Proeskuzzjoni kkonfermat li għal dan il-każ ma hemmx rapport tal-pulizija, hekk kif l-akkużi ħarġu mill-inkjesta.
19:13 – Hawnhekk, l-Avukat Tonna Llowel, li qed jidher għal Fearne u Scicluna, għamilha ċara li din l-inkjesta ta’ Gabriella Vella saret wara talba mill-privat, f’dan il-każ Repubblika, u għalhekk il-Prosekuzzjoni qed tibbaża biss fuq dan.
19:15 – Il-Qorti talbet lill-Ispettur Raymond Borg sabiex jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda u staqsiet jekk sarx rapport tal-pulizija għal dan il-każ. Huwa qal li ma sarx rapport.
19:18 – L-Ispettur qal li bbaża l-firma tiegħu fuq l-akkużi li nħarġu, sempliċiment minn fuq il-konklużjonijiet tal-Inkjesta ta’ Gabriella Vella.
19:29 – Hekk kif ix-xhud intalab joħroġ barra, l-Avukati Difensuri qed jargumentaw jekk għandhomx jistaqsu x’kienet il-konklużjoni li wasslet biex ħarġu l-akkużi.
19:34 – Il-Maġistrat ta permess biex din id-domanda ssir.
19:35 – L-Ispettur ikkonferma li qara partijiet mill-Inkjesta u l-konklużjonijiet tagħha u minn hemmek inħarġu l-akkużi.
19:37 – Il-Qorti qalet li l-inkjesta nnifisha tissodisfa r-rekwiżi tal-liġi qabel isir l-eżami tal-impuatati.
19:40 – L-Avukat David Farrugia Sacco talab biex ikun hemm referenza kostituzzjonali għal din id-deċiżjoni. Hawnhekk il-Maġistrat għamilha ċara li s-seduta tal-lum se titlesta, ikun x’ħin ikun.
19:45 – Il-Maġistrat ċaħad din it-talba li sejħilha ‘frivola’.
19:47 – Jibda l-eżami tal-imputati. Il-Maġistrat fakkar fid-drittijiet tagħhom.
19:49 – Chris Fearne u Edward Scicluna jwieġbu mhux ħatja.
19:51 – Warajhom Ronald Mizzi (Segretarju Permanenti), Alfred Camilleri (Pensjonant) u Joseph Rapa (Uffiċjal Pubbliku) wieġbu mhux ħatja.
19:54 – Kenneth Deguara (Avukat), Kevin Deguara (Avukat), Jean Carl Farrugia (Avukat), Deborah Anne Chappell (Avuakt), Bradley Gatt (Avukat), Aron Mifsud Bonnici (Avukat), James Camenzuli (Inġinier), Manuel Castagna (Accountant), Robert Borg (awditur), DF Advocates u DF Corporate Advisory Ltd, wieġbu wkoll kollha mhux ħatja.
20:05 – Is-seduta ġiet sospiża.
20:11 – Ikompli s-smiegħ dwar min se jkun responsabbli għall-kumpaniji msemmija u għalhekk il-Maġistrat ordna li jsir eżami mingħajr rappreżentanti. Id-difiża saħet li l-Prosekuzzjoni trid tindika minn huma l-akkużati wara l-kumpaniji u li hemm bżonn persuna waħda.
Dan filwaqt li l-Prosekuzzjoni qalet li mhix se tirtira l-ebda akkuża fil-konfront ta’ DF Advocates.
20:27 – Is-seduta mill-ġdid ġiet sospiża fuq talba tal-Avukat Ġenerali.
20:38 – Tkompli s-seduta bl-Avukat Ġenerali jgħid li fl-awla hawn tliet persuni li jistgħu jwieġbu għall-kumpanija DF Advocates, (B’referenza għal Kenneth Deguara (Avukat), Kevin Deguara (Avukat) u Jean Carl Farrugia (Avukat).
21:01 – Il-Qorti mill-ġdid għamiltha ċara li mhux se twaqqaf is-seduta sakemm jispiċċa kollox. Is-seduta hija sospiża.
21:24 – Jidħol il-Maġistrat u tkompli s-seduta. L-Avukat Ġenerali mill-ġdid tgħid li l-akkużi kontra DF Advocates mhux se jitwaqqgħu, iżda talbet biss korezzjoni fl-akkużi u jitneħħa s-‘C-‘ minn quddiem isem il-kumpanija.
21:35: Il-Maġistrat staqsa lill-Prosekuzzjoni lil min twasslet ir-riferta f’isem il-kumpanija DF Advocates biex jitressqu l-Qorti llum, bil-Prosekuzzjoni tgħid lill-individwi nfushom iżda lill-kumpanija le.
21:41 – Id-Difiża qed titlob nullita tal-proċeduri kollha minħabba “żball u għaġla tal-prosekuzzjoni.” Is-seduta mill-ġdid sospiża.
22:06 – Kompliet is-seduta u l-Avukati difensuri qalu li ħarġet direttiva għal dan il-każ sabiex jaħdmu sal-10pm. Bil-Maġistrat jgħid li l-każ se jdum sal-10:30pm.
22:10 – Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li min-notifiċi li ħarġu mill-prosekuzzjoni l-imputati (Kenneth Deguara (Avukat), Kevin Deguara (Avukat) u Jean Carl Farrugia (Avukat), ġew notifikati fil-kapaċita personali tagħhom u ma hemm l-ebda referenza għal xi rappreżentanza ta’ DF Advocates .
Saħaq li dan ifisser li waħda mill-imputati mhux notifikati għal dawn il-proċeduri u għaldaqstant il-kawża qed tiġi diferita għall-11 ta’ Ġunju fil-11AM. Il-Maġistrat qal kif dan huwa nuqqas kbir mill-Prosekuzzjoni.
22:15 – Is-seduta għal-lum hi magħluqa.