Ħames persuni baqgħu jinżammu arrestati wara li t-Tnejn filgħaxija tressqu l-Qorti mixlija bi ħtif ta’ mekkanik li allegatament seraq vann li jiswa mat-€30,000 u qattgħu biċċiet.
Nifhmu li l-ħames persuni marru għas-sodisfazzjon.
Il-ħames persuni huma Christian Borg ta’ 28 sena, Thorne Mangion ta’ 27 sena, Tyson Grech ta’ 26 sena, Burton Azzopardi u Jeremy Borg, it-tnejn għandhom 20 sena.
Quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea l-akkużati ġew mixlija anki b’serq ta’ mobile tal-vittma għaliex hu mifhum li fih hemm filmat tal-biċċiet tal-vann li allegatament ħa l-vittma.
Il-każ seħħ il-Ġimgħa li għadda u fil-Qorti ngħad li l-imputati ħatfu lill-allegat vittma minn quddiem il-garaxx tiegħu u daħluh ġo vann.
Ingħad ukoll li l-vittma rnexxielu jiżgiċċa f’Raħal Ġdid u mar l-għassa tal-pulizija biex jagħmel rapport.
Il-Pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha u sabet il-filmati minn kameras tas-sigurtà li kkonfermaw dak li qal l-allegat vittma.
L-akkużati li ġew mixlija li huma riċedivi, ċaħdu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom.
Mistoqsija mid-Difiża jekk il-Pulizija staqsitx lill-allegat vittma dwar is-serq ta’ karozzi, il-Pulizija qalet li l-prijorità kienet dwar il-każ ta’ ħtif ta’ persuna iżda qed tinvestiga l-allegat serq mill-vittma.
21:39 – Il-Maġistrat qalet li din it-talba ġiet miċħuda minħabba s-serjetà tal-każ u minħabba li l-imputati għandhom każijiet oħra pendenti.
21:33 – Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea terġa’ tidħol lura f’awla numru 4. Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest tal-imputati kollha.
21:25 – Hekk kif l-Avukati tal-imputati qed isostnu għaliex il-ħames akkużati għandhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni qalet li fost ix-xhieda pajżana hemm dawk li raw l-allegat vittma ħiereġ mill-vann quddiem pompa tal-petrol. Issa l-Maġistrat Charmaine Galea daħlet ġewwa sabiex tiddeċiedi fuq id-deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest.
20:49 – L-Avukati tad-Difiża talbu għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati kollha. Il-Prosekuzzjoni qed toġġezzjona bil-qawwa għal din it-talba minħabba li l-akkużi huma serji. Intqal kif l-akkużati ma jistgħux jiġu fdati minħabba li huma riċedivi u li kissru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każijiet oħra.
Fil-Qorti ġie spjegat ukoll kif il-ħtif ta’ persuna jista’ jġorr sentenza ta’ massimu ta’ 12-il sena ħabs. Il-Prosekuzzjoni semmiet l-intralċ tal-provi, hekk kif il-vittma għad trid tixhed. Intqal li hemm ukoll ix-xhieda pajżana li jridu jixhdu.
20:44 – Issa quddiem il-Maġistrat resaq fuq quddiem l-ewwel imputat, raġel ta’ 28 sena mis-Swieqi u qal li jaħdem bħala Direttur tal-Karozzi tal-Kiri. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
It-tieni imputat, qal li jaħdem bħala maniġer u wieġeb mhux ħati.
It-tielet imputat, żagħżugħ ta’ 26 sena qal li jaħdem għar-rasu, huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Ir-raba’ imputat ġuvni ta’ 20 sena wieġeb ukoll mhux ħati.
Il-ħames imputat qal li għandu 20 sena u wieġeb ukoll mhux ħati għall-akkużi.
20:42 – Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea ddeċidiet li l-arresti huma kollha validi.
20:31 – L-Avukati qed jikkontestaw l-arrest ta’ erba’ mill-ħames imputati. Fl-argumenti tagħha, il-Prosekuzzjoni, qalet kif il-Pulizija marret għand il-Maġistrat tal-Għassa fejn inħareġ mandat ta’ arrest. Ġie spjegat kif fil-mandat kien hemm l-akkużi li qed jitressqu bihom l-imputati, fosthom dak ta’ ħtif ta’ persuna. Intqal ukoll kif l-imputati ngħataw id-drittijiet kollha tagħhom.
20:27 – L-Avukati qed iqajmu dubju dwar l-arrest ta’ wħud mill-imputati.
20:14 – L-Avukati qed jistaqsu l-mod kif ġew arrestati l-imputati sabiex jaraw jekk l-arrest tal-imputati huwiex validu.
20:12 – Il-Pulizija kkonfermat l-istorja ta’ ONE News li hemm allegazzjoni fuq il-vittma ta’ serq ta’ vann. Intqal ukoll kif l-allegat vittma huwa wkoll investigat mill-Pulizija dwar dan is-serq ta’ vann.
20:10 – Meta mistoqsi mill-Avukat tad-Difiża jekk il-Pulizija staqsitx l-allegat vittma dwar is-serq ta’ karozzi, il-Pulizija qalet li l-prijorità kienet dwar il-każ ta’ ħtif ta’ persuna.
20:08 – Il-Prosekuzzjoni spjegat li nhar il-Ġimgħa, il-Pulizija tar-Rabat daħlilha rapport mingħand il-vittma li kien inħataf minn diversi persuni quddiem il-garaxx tiegħu. Il-Pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet tagħha u sabet il-filmati minn kameras tas-sigurtà li kkonfermaw dak li qal l-allegat vittma. Il-Pulizija arrestat sitt persuni u saru wkoll tfittxijiet. L-allegat vittma identifika n-nies. Il-Prosekuzzjoni spjegat kif is-Sibt, fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid daħal ukoll rapport ta’ serq ta’ karozzi.
20:05 – Fl-awla għadha kif daħlet il-Maġistrat Charmaine Galea.
20:00 – Segwi l-wasla tal-akkużati fil-Qorti.
19:49 – Fl-awla daħlu 12-il Avukat u numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija iżda s’issa l-ebda imputat ma jinsab fl-awla.
19:29 – Jingħad li l-akkużati se jiġu mixlija anki b’serq ta’ mobile tal-vittma għaliex hu mifhum li fih hemm filmat tal-biċċiet tal-vann li allegatament ħa l-vittma.
19:27 – Fl-awla sa issa deher l-Avukat Franco Debono.
19:25 – Il-ħames akkużati, li huma kollha Maltin, se jkunu qed jitressqu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea, f’Awla 4.
AKTAR QABEL
Ħames persuni qed jitressqu l-Qorti mixlija bi ħtif ta’ persuna l-Ġimgħa li għadda.
ONE News jista’ jiżvela li allegatament, il-vittma li huwa mekkanik, seraq vann li jiswa mat-€30,000.
Nifhmu li l-vann tqatta’ biċċa biċċa.
Jirriżulta li allegatament, il-ħames imputati, li huma kollha Maltin, marru għas-sodisfazzjon u ħatfu lil mekkanik.
Nifhmu li l-mekkanik irnexxielu jaħrab meta kien miżmum f’Raħal Ġdid u mar l-għassa tal-pulizija biex jagħmel rapport dwar il-każ.