23:21 – Jibdew il-preparamenti biex l-akkużati jittieħdu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
23:16 – George Degiorgio ma wieġeb għall-ebda domanda li kienet qed issirlu fl-eżami. Huwa ġie akkużat li qatel lill-Avukat Chircop.
23:15 – Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex ikun hemm ordni tal-iffriżar tal-assi, bil-Qorti tilqa’ din it-talba.
23:11- Jamie Vella ta’ 37 sena u li tressaq il-Qorti waqt li huwa pożittiv għall-Covid-19 ukoll wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih b’rabta mal-qtil ta’ Carmel Chircop. Huwa ċaħad ukoll li ssupplixxa l-bomba li ntużat fid-delitt ta’ Caruana Galizia fost akkużi oħra. F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest.
23:10 – Adrian Agius wieġeb mhux ħati li huwa l-mandant fil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop filwaqt li Robert Agius ċaħad li ssupplixxa l-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Huwa ċaħad akkużi kriminali oħra.
23:03 – L-Avukat Alfred Abela u Rene’ Darmanin qed jidhru għall-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar u Jamie Vella filwaqt li Dr Cuschieri qed jidher għal George Degiorgio. Dr George Camilleri qed jirrappreżenta l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Prosekuzzjoni hija mmexija wkoll mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shaun Pawney u Wayne Camilleri.
22:52 – Wieħed mill-akkużati George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż deher iqum u jitkellem mal-avukat tiegħu. Is-seduta għadha ma bdietx.
22:45 – Bħalissa fl-awla daħlu l-erba’ akkużati u l-awla bdiet timtela’. Fost l-oħrajn daħlu s-Supretendent Keith Arnaud, avukati mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, l-avukati tal-parte civile u qraba ta’ Daphne Caruana Galizia.
22:38 – Jaslu l-erba’ akkużati b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop fiż-żona ta’ wara l-Qorti. Huma waslu taħt sigurtà massima, b’diversi membri tal-Korp tal-Pulizija jgħassu l-bini tal-Qorti.
22:20 – Il-Qorti fetħet għall-ħabta tal-10:15pm u prattikament tinsab vojta ħlief għall-ġurnalisti li bdew jidħlu sabiex jirrappurtaw il-preżentati tal-lejla. Fit-triq tan-naħa ta’ wara tal-Qorti il-pulizija diġà għalqu t-triq miż-żewġ naħat b’membri tal-midja qegħdin wara l-barrikati sabiex jirrappurtaw l-wasla tal-erba’ persuni li ser ikunu akkużati b’rabta mad-delitt ta’ Daphne Caruana Galizia u d-delitt tal-Avukat Carmel Chircop.
22:11 – Jasal quddiem il-binja tal-Qorti, il-Maġistrat Victor Axiak, li quddiemu se jitressqu l-erba’ akkużati.
AKTAR QABEL – F’awla 22 fil-Qorti ta’ Malta se jitressqu erba’ persuni b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop. Dawn il-persuni se jitressqu quddiem il-Maġistrat Victor Axiak.
L-omiċidju ta’ Chircop seħħ f’Ottubru ta’ sitt snin ilu u dan kien instab maqtul f’kumpless tal-garaxxijiet f’Birkirkara kmieni filgħodu hekk kif kien ħiereġ għax-xogħol. L-Avukat Chircop kien inqatel b’erba’ tiri sparati b’arma tan-nar.
Żewġ persuni, maħsuba l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala tal-Maksar se jitressqu l-Qorti biex jaffaċċjaw akkużi kriminali b’rabta ma’ omiċidju.
Ma’ dawn iż-żewġ persuni se jitressaq Jamie Vella, li mistenni jkun mixli bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Chircop u Caruana Galizia. Hu maħsub li Vella huwa l-persuna nfettat bil-Covid-19 li se jitressaq il-Qorti f’awla mdaqqsa u bil-prekawzjonijiet kollha meħtieġa skont il-parir tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika. Fil-fatt inġab permess speċjali biex Vella jitressaq il-Qorti biex jaffaċċja l-akkużi.
Ir-raba’ persuna li se jitressaq il-Qorti huwa George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż, li se jkun mixli bil-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Iċ-Ċiniż diġà huwa meqjus bħala wieħed mill-allegat eżekuturi fil-qtil ta’ Caruana Galizia u qed jaffaċja l-akkużi fil-Qorti dwar il-qtil li seħħ fl-2017.
Illejla f’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal li l-pulizija temmen li għandha n-nies kollha f’idejha, li huma l-mandant u l-eżekuturi fil-qtil ta’ Caruana Galizia. Dawn l-iżviluppi seħħew wara l-arresti li saru f’operazzjoni tal-pulizija fil-Baħrija u fis-Swieqi. Dan fl-istess jum li Vince Muscat il-Koħħu ammetta l-akkużi miġjuba kontrih dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u ntbagħat 15-il sena ħabs. Il-Koħħu ngħata wkoll proklama fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jgħid is-sewwa biex jiġi solvut il-qtil tal-Avukat Chircop.
ONE News se jkun qed ixandar b’mod dirett il-wasla tal-erba’ akkużati u jagħti iżjed dettalji b’rabta mal-iżviluppi mill-Qorti fuq one.com.mt.