22:23: Il-Prim Ministru Robert Abela temm b’messaġġ b’saħħtu u pożittiv li jagħti s-Saħħa lill-Maltin. Kien dibattitu mill-aktar interessanti li ħareġ aktar id-differenza bejn iż-żewġ Mexxejja.
22:15: Fl-aħħar intervent tiegħu f’dan id-dibattitu Bernard Grech huwa moħħu biss biex in-nies ituh it-tielet siġġu fil-Parlament Ewropew.
22:10: Il-Prim Ministru nnota kif Membri Parlamentari Ewropej Nazzjonalisti kisru kull rekord bir-riżoluzzjonijiet li vvutaw kontra Malta. B’David Casa u Peter Agius dan l-aħħar ħadmu kemm felħu biex itappnu isem pajjiżna mal-istituzzjonijiet Ewropej u jippruvaw itellfu l-fondi Ewropej.
22:07: B’kuntrast għall-kritika u negattività ta’ Bernard Grech, il-Prim Ministru, bil-fatti, kompla juri lin-nies, is-suċċess li qed iwettaq dan il-Gvern f’diversi oqsma. Fost l-oħrajn kif Malta rreġistrat l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea, u għamel referenza għar-riformi storiċi li twettqu fil-ġudikatura, kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, u kif infatam l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat.
22:00: Mifxul u jħawwad f’dak li qed jgħid, il-Kap tal-PN minn jeddu għadu kif semma l-accounts tal-Partit Nazzjonalista, fejn saħaq li dawn qed isiru “iżda kollox jieħu l-ħin tiegħu.” Kompla wkoll bl-attakki kontra dawk li ma jagħmlux kif irid hu, u l-establishment. Bernard Grech weħel xħin il-Prim Ministru qallu kemm mhux deċiżiv għax lanqas fuq sempliċi accounts tal-partit tiegħu ilu erba’ snin jġebbed, aħseb u ara kemm se jiddeċiedi fuq l-isfidi tal-pajjiż.
21:55: Ma naqasx li l-Prim Ministru anke jagħmel referenza għaċ-ċertifikati pożittivi qed tingħata l-ekonomija Maltija, fosthom mill-aġenziji ta’ kreditu, mill-Kummissjoni Ewropea u l-IMF. Prim Ministru li fid-dibattitu qed jidher kemm hu infurmat u jsemmi argumenti fattwali.
21:54: Dr Abela saħaq li Gvern Laburista wettaq dak li l-Gvernijiet Nazzjonalisti beżgħu jagħmlu. Dan filwaqt li nnota l-kampanja ta’ miżinformazzjoni li qed jagħmel. Minkejja dan, tenna kif il-Gvern se jibqa’ ffukat li jsaħħaħ l-ekonomija Maltija dejjem favur il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Saħaq li huwa kburi bl-ekonomija Maltija u bl-investimenti li l-privat qed iwettaq f’pajjiżna, fosthom ta’ ST Microeletronics, Baxter u easyJet.
21:47: Bernard Grech mill-ġdid attakka l-għoti taċ-ċekkijiet u l-inizjattiva Stabbiltà.
21:42: Il-Prim Ministru Robert Abela dwar l-ambjent semma l-ħemel ta’ proġetti u investimenti li saru sabiex madwar il-pajjiż jiżdiedu l-ispazji miftuħa u ħodor. Huwa nnota kif kien Gvern Nazzjonalista li fetaħ it-tieqa sabiex Ħondoq ir-Rummien kien se jiġi żviluppat, kien Partit Laburista li ħadem sabiex dan ma jseħħx. Kien anke Gvern Laburista li fil-Manifest Elettorali impenja ruħu sabiex iż-Żonqor ma jiġix żviluppat u wettaq din il-wegħda fl-ewwel mitt jum ta’ Gvern ġdid. Il-Prim Ministru spjega x’ifisser l-ambjent għalih.
21:37: Grech issokta b’ton negattiv u semma kemm Gvernijiet Nazzjonalisti ħadmu għall-ambjent, fl-istess ħin li semma l-Pjan Lokali tal-2006 li bih artijiet verġni daqs is-Siġġiewi kollu tefgħahom għall-iżvilupp.
21:36: Fl-ewwel għoxrin minuta ta’ dan id-dibattitu b’mod kontinwu Bernard Grech qed jieħu l-iżbalji u mhux ikun fattwali. Spiċċa reġa’ infixel fost it-tixjir tal-karti.
21:33: Dwar il-gwerra fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru qal kif kienet Roberta Metsola, żbilinċjat il-pożizzjoni tagħha. Il-Prim Ministru Kien ċar dwar il-pożizzjoni ta’ Malta, dik li għandha tirrenja l-paċi u b’mod immedjat ikun hemm waqfien mill-ġlied f’Gaża. Tenna kif fuq livell internazzjonali Malta għandha reputazzjoni b’saħħitha.
21:30: Robert Abela qal kif Bernard Grech qed ikompli juri lin-nies kemm huwa mhux kredibbli. Dan partikolarment meta jitkellem dwar is-settur tal-enerġija, li Gvern Laburista investa miljuni ta’ ewro sabiex isostni lill-familji u negozji Maltin u Għawdxin. L-istess qed jinvesti fil-qasam tal-edukazzjoni, fejn qed joffri lill-edukaturi żidiet qawwija u bla preċedent.
21:28: Kien imiss mill-ġid lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li ħlief juri u jxejjer il-karti mhux jagħmel. Hawnhekk tkellem dwar is-settur tal-enerġija u ċaħad li mhux vera li kien qal li jekk jogħla l-prezz taż-żejt barra minn Malta se jogħla f’Malta. Madanakollu, il-fatti li tkellem wisq fuqhom tul id-dibattitu, juru bil-kontra. Gidba li wkoll innutaha l-Prim Ministru Robert Abela
21:22: Ma naqasx li Dr Abela jinnota n-nuqqas ta’ kreddibilità tal-Kap tal-PN, fejn fis-suppost manifest li ppreżenta l-partit tiegħu ħalla barra temi kruċjali bħat-tassazzjoni, il-kompetenza nazzjonali u l-immigrazzjoni. Tenna kif is-Sibt li ġej il-poplu se jiddeċiedi dwar x’futur irid għal pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin. Jekk hux gwerra jew paċi u awsterita jew inċentivi. Jekk irridux Gvern li joffri soluzzjonijiet jew Oppożizzjoni ta’ qtigħ il-qalb.
21:18: Il-Prim Ministru semma numru ta’ esperjenzi pożittivi man-nies li ltaqa’ magħhom fl-aħħar ġimgħat ta’ kampanja elettorali.
21:17: Fil-messaġġ tal-ftuħ b’saħħtu tiegħu, Robert Abela qal kif jemmen li l-politika għandha dejjem tkun waħda iċċentrat mal-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Bid-deċiżjoni issa hija f’idejn il-poplu, sabiex bil-vot tiegħu, nhar is-Sibt li ġej jagħti s-Saħħa lill-Maltin.
21:15: Kien imiss issa il-Prim Ministru Robert Abela, fejn mal-ewwel dehret id-differenza ċara bejn iż-żewġ mexxejja. Hawnhekk Dr Abela qal kif Bernard Grech innifsu kkonferma li hu u l-Partit tiegħu huma negattivi.
21:11: Beda bil-messaġġ tal-ftuħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fejn mal-ewwel mumenti tad-dibattitu diġà għażel li jkun negattiv. Issa ħareġ manifest jumejn biss qabel l-elezzjoni iżda l-unika manifest kien jismu inkjesta.
Tlett ijiem biss qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta Ġunju għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, se jibda jixxandar id-dibattitu tal-Awtorità tax-Xandir għal din il-kampanja elettorali bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.