Fil-jum tat-Tlieta dehru fil-Qorti erbatax-il persuna, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat u disa’ kumpaniji b’rabta mal-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Inkjesta, li damet għaddejja erba’ snin u nofs, u ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-jum li fetħu n-nominazzjonijiet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Kienu għal ħabta tal-11 ta’ filgħodu li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat deher dieħel fil-Qorti fejn sellem lin-nies li kienu barra l-Qorti u tawh l-appoġġ.
Aktar qabel bdew deħlin persuni oħra għall-proċeduri ġejjin mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella.
Fil-fatt dehru deħlin il-Qorti Konrad Mizzi, Keith Schembri u Adrian Hillman.
Fil-bidu tas-seduta ġew ippreżentati l-akkużi.
Wara sar l-eżami fil-konfront tal-persuni li dehru u r-rappreżentanti tal-kumpaniji.
Fl-eżami tiegħu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb għall-akkużi miġjuba kontrih bil-kliem “assolutament mhux ħati”.
Warajh l-imputati kollha wieġbu wkoll mhux ħatja għall-akkużi rispettivi.
Fis-seduta, li saret f’Awla numru 22 quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, ġiet ittrattata l-ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-imputati.
Hawn l-avukati difensuri, fosthom l-Avukati Franco Debono u Giannella de Marco, talbu lill-Prosekuzzjoni mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex turi eżatt kif waslet għall-ammont ta’ miljuni ta’ ewro li ġew iffrizati.
Id-difiża esiġiet li l-Prosekuzzjoni għandha tiġġustifika dan, bl-evidenza kollha li hi relatata mal-ordni tal-iffriżar.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif l-ammonti tal-ordni ta’ ffriżar ġejjin minn 1,200 paġna tal-inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella.
Is-sottomissjonijiet mill-avukati difensuri komplew, bl-avukati ta’ Dr Muscat isostnu li l-Prosekuzzjoni għandha tgħid eżatt fejn joħroġ l-ammont ta’ €30 miljun fil-konfront tal-eks Prim Ministru.
F’din l-inkjesta tela’ jixhed reġistratur tal-Qorti, li, fost oħrajn, qal kif din l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-25 ta’ April – proprju fil-jum tal-ftuħ tan-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet li ġejjin.
Il-Maġistrat Montebello qalet lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ aktar xhieda, speċifikament dawk ta’ importanza dwar l-ordni ta’ ffriżar.
L-avukati difensuri tal-akkużati staqsew kemm-il darba fejn jinsabu l-provi, iżda, imbagħad, il-Prosekuzzjoni semmiet minn paġna 1,109 ’il quddiem mir-rapport tal-inkjesta.
Hawnhekk ġie nnotat kif dawn huma l-konklużjonijiet u mhux l-evidenza.
Is-seduta ġiet sospiża, fejn aktar minn siegħa wara, il-Maġistrat Rachel Montebello ma laqgħetx it-talba tad-difiża li l-prosekuzzjoni għandha tiġġustifika l-ammont li għandu jiġi ffriżat tal-persuni li għaddejjin il-proċeduri.
Wieħed mill-avukati difensuri Stefano Filletti rrimarka li esperti tal-inkjesta marru lil hinn minn dak li qalet il-Maġistrat Inkwirenti Gabriella Vella fir-rapport tal-inkjesta fejn hi qalet li jista’ jkun sar ħasil ta’ flus, filwaqt li huma qalu li sar ħasil ta’ flus b’ċertezza.
L-avukati difensuri reġgħu għamlu talba dwar din l-ordni ta’ ffriżar biex il-Prosekuzzjoni tindika eżatt fejn jingħad l-ammont eżatt kemm għandu jiġi ffriżat.
Bil-Qorti ċaħdet din it-talba u b’hekk ikkonfermat l-ordni ta’ ffriżar, b’digriet li tat il-Maġistrat Rachel Montebello.
Imbagħad xehdu wkoll Rennie Stivala u Anthony Scerri, eks uffiċjali tal-Pulizija li kienu inkarigati biex jassistu lill-Maġistrat inkwirenti fl-inkjesta.
Fost l-oħrajn, Scerri semma kif għamel tfittxijiet fid-dar ta’ Joseph Muscat.
Hawnhekk semma f’dawn it-tfittxijiet kien hemm ukoll l-esperti barranin, u ntqal kif Muscat ikkopera magħhom.
Il-Maġistrat Rachel Montebello tat digriet ieħor li fih sostniet li hija l-Qorti biss li tiġġudika l-każ u tmexxi l-proċeduri u mhux il-midja. Dr Montebello qalet li ħadd ma għandu jagħti informazzjoni lil terzi jew jagħmel kummenti pubbliċi fuq xhieda jew evidenza mressqa fil-proċeduri.
Dwar safar, il-Maġistrat qalet li mhux se timpedixxi l-persuni li llum dehru fil-Qorti b’ċitazzjoni, milli jsiefru iżda sostniet li dawn għandhom jidhru f’kull seduta. Ma’ dan l-obbligu hemm marbuta garanzija personali ta’ €25,000.
Id-difiża ta’ kull persuna li għandha l-proċeduri fil-Qorti, irreġistrat oġġezzjoni għall-esperti kollha li qabbdet il-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta li ġie rappurtat li tat €11-il miljun f’direct orders.
Il-persuni li dehru għall-proċeduri tressqu lkoll b’ċitazzjoni u mhux b’arrest u s-seduti marbuta mal-proċeduri mnebbħa mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella mistennija jkomplu mbagħad b’mod normali.
Dan kif żviluppaw l-affarijiet fil-kawża ġudizzjarja matul il-ħin fil-ġurnata tat-Tlieta:
20:37 – Il-Maġistrat Montebello ħalliet l-awla issa. Is-seduta spiċċat.
20:29 – Il-Maġistrat Montebello qablet li l-imputati jkollhom kopja tal-atti tal-inkjesta tal-Maġistrat Vella fuq talba tal-avukati difensuri.
20:27 – L-Avukati difensuri kollha oġġezzjonaw għall-esperti kollha li ġew maħtura matul l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
20:21 – Il-Maġistrat Rachel Montebello tat digriet ieħor li fih sostniet li hija l-Qorti biss li tiġġudika l-każ u tmexxi l-proċeduri u mhux il-midja. Dr Montebello qalet li ħadd ma għandu jagħti informazzjoni lil terzi jew jagħmel kummenti pubbliċi fuq xhieda jew evidenza mressqa fil-proċeduri.
Dwar safar, il-Maġistrat qalet li mhux se timpedixxi l-persuni li llum dehru fil-Qorti b’ċitazzjoni, milli jsiefru iżda sostniet li dawn għandhom jidhru f’kull seduta. Ma’ dan l-obbligu hemm marbuta garanzija personali ta’ €25,000. Id-difiża ta’ kull persuna li għandha l-proċeduri fil-Qorti, irreġistrat oġġezzjoni għall-esperti kollha li qabbdet il-Maġistrat Gabriella Vella fl-inkjesta li ġie rappurtat li tat €11-il miljun f’direct orders.
20:19 – Tidħol issa f’Awla numru 22 il-Maġistrat Rachel Montebello.
19:34 – Is-seduta ġiet sospiża sakemm il-Maġistrat Montebello tieħu d-deċiżjoni tagħha.
19:29 – Intqal kif id-dokumenti li hemm fit-78 kaxxa, li qegħdin quddiem il-bank tal-Maġistrat Rachel Montebello se jibdew jiġu skenjati minn għada.
19:15 – L-avukati difensuri komplew jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom, fejn intqal kif kull għandu d-dritt tal-espressjoni, waqt li fakkru kif l-imputati għadhom preżunti innoċenti.
19:02 – L-Avukat Stefano Filetti semma kif Adrian Hillman għandu l-qraba, fosthom martu u t-tfal, fir-Renju Unit u din it-talba se tkun qed iżżommu ’l barra minn qrabatu.
18:59 – L-Avukat Franco Debono sostna kif din it-talba ħa toħloq min jista’ jitkellem, waqt li ħaddieħor ma jistax jitkellem. Semma kif din l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella hi l-aktar ħaġa ippubbliċizzata u l-akkużati ma jistgħux jitkellmu.
18:46 – Avukati difensuri oħra wkoll opponew għal dawn it-talbiet tal-Prosekuzzjoni. Bl-Avukat Veronique Dalli semmiet kif fl-aħħar xhur kien hemm numru ta’ leaks dwar din l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
18:43 – L-Avukat Galea f’isem l-eks Prim Ministru Joseph Muscat ikkwota kitba fuq il-midja soċjali tal-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fejn allega li Muscat se jsiefer illejla, bl-avukat difensur ċaħad li Dr Muscat se jsiefer illum. Semma kif l-istess Azzopardi semma Netflix u s-safar u kumbinazzjoni l-uffiċjal Prosekutur semma wkoll dawn iż-żewġ kelmiet fit-talbiet tiegħu.
18:37 – L-avukati difensuri, fost l-Avukat Vince Galea sostna li ħa niġu f’sitwazzjoni li xi ħadd ħa jagħmel sarima. It-terz jista’ jikkumenta u b’digriet dalgħodu ma ddaħħalx fil-kawża, bl-Avukat Ġenerali qed jagħlaq ħalq l-imputati.
18:35 – Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll li l-imputati m’għandhomx jikkummentaw waqt li tkun għaddejja din il-kawża.
18:32 – Il-Prosekuzzjoni għamlet talba li biex din il-kawża titkompla, tkun imposta kundizzjoni li l-imputati biex issiefru mill-pajjiż jitolbu permess tal-Qorti.
18:19 – Hawnhekk semma f’dawn it-tfittxijiet kien hemm ukoll l-esperti barranin, u ntqal ukoll kif Muscat ikkopera magħhom.
18:08 – Intqal kif meta l-Pulizija għamlet tfittxija fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, wera l-mandat tal-Maġistrat u kkopera mal-Pulizija waqt it-tfittxijiet.
17:27 – Issa jitla’ jixhed Anthony Scerri, li kien Spettur tal-Pulizija. Huwa qal li f’April tal-2021 li hu ngħata l-kariga mill-Maġistrat Inkwerenti biex jassistiha wara Rennie Stivala. Huwa tkellem dwar numru ta’ tfittxijiet li saret mill-Pulizija, fost l-oħrajn dik fid-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat f’Burmarrad. Waqt il-kontro eżami, Scerri qal li hu personalment qatt ma sab xejn ħażin fil-konfront tal-eks Prim Ministru Muscat.
17:06 – Jitla’ jixhed l-eks Supretendent tal-FCID Rennie Stivala. Intqal kif lura fl-2019, ġie f’idejh il-file għall-investigazzjoni. Intqal kif fl-20 t’Ottubru 2020 saru sitt tfittxijiet mill-Pulizija. Qal li hu mar fl-uffiċini ta’ Technoline, fejn ġabru dokumenti u apparat elettroniku. Ftit wara saru wkoll tfittxijiet f’kumpaniji oħra b’rabta ma’ din l-inkjesta. Intqal kif minn April tal-2021, hu ma baqax involut minħabba li mar jaħdem f’post ieħor.
17:00 – Jitla’ jixhed Joseph Caruana, rappreżentant tal-Kummissarju tat-Taxxa. Intqal kif ma saret l-ebda investigazzjoni min-naħa tagħhom ma saret l-ebda investigazzjoni, waqt li bosta uffiċjali li ma jafx min huma xehdu fl-inkjesta tal-Maġistrat Vella.
16:56 – Hawnhekk il-Maġistrat Rachel Montebello tat id-digriet li bih ordnat l-ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-akkużati, fost oħrajn ordni ta’ ffriżar €30 miljun fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Skont il-Prosekuzzjoni dan l-ammont hu indikat mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
16:53 – Il-kumpanija Sciacca Grill qalet li kien hemm tibdil fis-sid tan-negozju fl-2014 u l-konċessjoni saret wara fl-2016, jiġifieri wara. Intqal kif dak iffriżat lilha hu t-terz ta’ dak li qagħlet minn dak iż-żmien. Il-Maġistrat Rachel Montebello reġgħet semmiet id-digriet li tat hi ftit qabel.
16:43 – Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba li l-Prosekuzzjoni tati indikazzjoni fejn eżatt fl-inkjesta tal-Maġistrat Vella joħroġ eżatt dwar l-ammont tal-ordni ta’ ffriżar.
16:37 – Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba tad-difiża li għandha tindika fejn eżatt jinsab ir-rikavat minħabba d-digriet li tat il-Qorti ftit qabel. L-uffiċjal Prosekutur sostna li l-ammont joħroġ mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
16:28 – Dr Debono jagħmel talba formali biex il-Prosekuzzjoni tippreżenta d-dokumenti eżatti li joħorġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella dwar l-ordni ta’ ffriżar.
16:24 – L-avukat Franco Debono qal li jirrispetta d-deċiżjoni tal-Qorti, iżda sostna li l-Prosekuzzjoni għandha tindika fejn qegħdin eżatt l-ordni ta’ iffriżar.
16:18 – Fis-sottomissjonijiet tagħha, id-difiża sostniet li r-rikavat hu ferm differenti mill-allegat ħasil ta’ flus li qed jingħad li hemm fl-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
16:12 – Il-Maġistrat Rachel Montebello ma laqgħetx it-talba tad-difiża li l-prosekuzzjoni għandha tiġġustifika l-ammont li għandu jiġi ffriżat tal-persuni li għaddejin il-proċeduri. Wieħed mill-Avukati difensuri Stefano Filletti rrimarka li esperti tal-inkjesta marru lil hinn minn dak li qalet il-Maġistrat Inkwirenti Gabriella Vella fir-rapport tal-inkjesta fejn hi qalet li jista’ jkun sar ħasil ta’ flus filwaqt li huma qalu li sar ħasil ta’ flus b’ċertezza.
16:02 – F’digriet li tat il-Maġistrat Montebello ċaħdet it-talba tad-difiża. Hi sostniet li l-liġi ma teħtieġx li jiġu determinati l-ammonti biex jinħarġu l-ordnijiet tal-iffriżar. Dan filwaqt li saħqet li jekk il-Qorti tagħmel dan, tkun qed tiddetermina l-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna.
16:00 – Terġa’ tidħol fl-awla l-Maġistrat Rachel Montebello.
14:49 – Il-Maġistrat Montebello toħroġ ’il barra mill-awla.
14:48 – Il-Maġistrat Rachel Montebello ssospendiet is-seduta sabiex tieħu deċiżjoni dwar l-ordni ta’ ffriżar fil-konfront tal-imputati.
14:42 – L-avukati difensuri semmew kif minn paġna 1109 tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li ssemmiet mill-Prosekuzzjoni hi l-konklużjoni u mhux il-biċċa tal-provi.
14:29 – Jintqal kif il-Prosekuzzjoni mhux timxi sew hekk kif ħarġet ordni ta’ ffrizar b’mod kollettiv. Id-Difiża qed jitlob b’mod ċar lill-Prosekuzzjoni biex jindika taħt ġurament fejn joħroġ l-ordni ta’ ffriżar.
14:25 – L-avukati difensuri qed isostnu u jsaqsu fejn huma l-provi. Fejn l-ewwel ikun hemm il-provi tar-rikavat u mbagħad wara għandu joħroġ l-ordni tal-iffriżar fil-konfront tal-imputati.
14:20 – Il-Prosekuzzjoni reġgħet sostniet li l-ordni ta’ ffriżar toħroġ mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella.
14:18 – L-Avuktati ta’ Dr Joseph Muscat reġgħet staqsiet lill-Prosekuzzjoni biex tindika fejn ir-rikavat ta’ €30 miljun fil-konfront tal-eks Prim Ministru jinsabu.
14:16 – Il-Maġistrat Rachel Montebello qalet lill-Prosekuzzjoni biex ittella’ aktar xhieda, speċifikament dawk ta’ importanza dwar l-ordni ta’ ffriżar. Bil-Prosekuzzjoni tipponta lejn l-kaxxi bl-evidenza, jiġifieri fl-atti tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
14:09 – Tispiċċa l-ewwel xhieda, dik ta’ Franklin Calleja.
14:06 – Fil-kontro eżami ħareġ kif din l-inkjesta ġiet ippreżentata lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-25 ta’ April – propju fil-jum tal-ftuħ tan-nominazzjonijiet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Ir-reġistratur qal ukoll li ma jafx x’inhu l-kontenut ta’ din l-inkjesta.
14:01 – Fuq il-pedana tax-xhieda telgħa jixhed Franklin Calleja, reġistratur tal-Qorti, li ta d-dettalji dwar l-inkjesta li saret mill-Maġistrat Gabriella Vella. Huwa qal li b’kollox hemm 78 kaxxa bl-evidenza li joħorġu minn din l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.
13:52 – Hawnhekk l-avukati difensuri tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat staqsa lill-Prosekuzzjoni minn fejn joħroġ li ammont ta’ €30 miljun, li ġew iffrizati fil-konfront ta’ Dr Muscat. Intqal il-Prosekuzzjoni għandha tikkwota minn liema paġna tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, dan l-ammont joħroġ.
13:50 – Il-Prosekuzzjoni qalet kif l-ammonti tal-ordni ta’ ffriżar ġejjin minn 1,200 paġna tal-inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella.
13:42 – Ikomplu s-sottomissjonijiet sabiex tkun diskussa din l-ordni ta’ ffriżar fuq l-imputati.
13:34 – Fit-talba tagħhom numru ta’ Avukati difensuri qed isaqsu lill-uffiċċjal Prosekutur mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali kif wasal għall-ammont ta’ miljuni ta’ ewro li ġew iffriżati. Hawnhekk ġie mitlub li l-Prosekuzzjoni għandha tiġġustifika u l-ammont li ġie ġġustifikat, b’evidenza li hi relatata mal-ordni ta’ ffrizar.
13:24 – L-Avukat Franco Debono talab sabiex il-Qorti tittrata l-ordni tat-talba ta’ ffriżar, li diġa’ ħarġet, fil-konfront tal-akkużati. Il-Qorti ċaħdet din it-talba sabiex l-ewwel, il-Prosekuzzjoni għandha tressaq ix-xhieda fil-konfront tal-akkużati.
13:19 – Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello intemm il-proċess ta’ eżami fil-konfront tal-akkużati l-oħrajn kollha. Huma kollha wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom. Anki r-rappreżentanti tal-kumpaniji kollha li tressqu f’din is-seduta minħabba l-inkjesta tal-Maġistrat Vella, wieġbu kollha mhux ħatja.
13:03 – L-ewwel jibda l-eżami tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat ta’ 50 sena. Huwa wieġeb “assolutament mhux ħati” għall-akkużi miġjuba kontrih.
13:02 – Issa se jibda l-eżami lil kull imputat. Il-Maġistrat Montebello qalet li l-imputati għandhom id-dritt ta’ silenzju.
12:58 – Il-Qorti qalet li l-kontro eżami għandu jsir wara x-xhieda tal-imputati.
12:57 – Dr Vincent Galea, li jidher fost l-avukati għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat talab li jagħmel kontro eżami lill-Prosekuzzjoni dwar l-akkużi li ħarġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Vella.
12:17 – Il-Prosekuzzjoni għadha qed taqra l-akkużi li joħorġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella. Fost l-akkużi hemm dawk ta’ ħasil ta’ flus, fost oħrajn. Akkużi li dejjem ġew miċħuda mill-akkużati.
11:54 – Il-Prosekuzzjoni bdiet taqra l-akkużi skont kif ħareġ mill-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella. Dawn qed jinqraw taħt ġurament.
11:44 – Bħalissa qed jiġu ppreżentati lill-Qorti, id-dokumenti relatati mal-akkużati, fosthom iċ-ċertifikati tat-twelid.
11:41 – Fil-Qorti, l-Avukat Stefano Filetti, li qed jidher ghal Adrian Hillman, iddikjara li akkużat ġie f’Malta “minn jeddu”, hekk kif hu jgħix fir-Renju Unit.
11:40 – Il-Maġistrat qalet li minħabba n-numru kbir ta’ avukati fl-awla, is-sottomissjonijiet u anki l-mistoqsijiet għandhom isiru minn avukat wieħed għal kull akkużat.
11:39 – Il-Maġistrat Montebello wisset lil kulħadd preżenti fl-awla biex jirrispettaw il-Qorti matul dawn il-proċedura, tgħid li mhux se tittollera l-ebda kummenti.
11:35 – Tidħol f’awla 22, il-Maġistrat Rachel Montebello.
11:26 – Fil-gallarija ta’ din l-awla hawn numru ta’ ġurnalisti, flimkien ma’ qraba tal-akkużati.
11:21 – Preżenti f’awla 22 hawn il-Prosekuzzjoni u anki numru kbir ta’ avukati, li se jkunu qed jidhru għall-akkużati. L-avukati qed jużaw ukoll il-bankijiet li fuqhom issoltu jpoġġu l-ġurati f’din l-akbar awla tal-Qorti.
11:00 – Ftit qabel daqqu l-11 ta’ filgħodu, l-eks Prim Ministru Joseph Muscat deher dieħel fil-Qorti. Huwa sellem lin-nies li nġabru fejn tawh l-appoġġ. Huwa daħal fil-Qorti għal proċeduri mnebbħa mir-rapport tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
10:50 – Wasal Konrad Mizzi li deher dieħel fil-Qorti biex jibdew proċeduri hekk kif ordnati mill-Maġistrat Vella.
10:13 – Ftit qabel l-10:15 wasal Keith Schembri li huwa akkużat b’numru ta’ akkużi fosthom frodi u ħasil ta’ flus wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
09:52 – Dalgħodu l-Maġistrat Rachel Montebello ċaħdet rikors tal-għaqda Repubblika biex tkun parte civile u jkollha sehem fil-proċeduri fil-Qorti.
09:50 – Fuq barra tal-Qorti nġabret folla ta’ nies li qed tagħti sapport lil Dr Muscat.
AKTAR QABEL:
Ninsabu fil-Qorti ta’ Malta, hekk kif dalgħodu f’awla 22 quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello se jitressqu l-akkużi fil-konfront ta’ persuni kif ordnati mill-inkjesta Vitals tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Din is-seduta mistennija tibda għall-ħabta tal-11:30 ta’ dalgħodu, fejn mistennija jitressqu l-Qorti, 14-il persuna u disa’ kumpanija.
Dan wara li x-xahar li għadda, fil-jum tal-bidu tan-nominazzjonijiet għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet mill-Maġistrat Gabriella Vella għaddiet għand l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.