Aidan Bartolo ta’ erbgħa u għoxrin sena nżamm arrestat wara li ftit wara l-ħamsa tas-Sibt filgħaxija tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil fuq Pulizija u li saq b’mod traskurat, fost oħrajn.
Bartolo tressaq il-Qorti b’rabta mal-isparatura li seħħet fil-Mellieħa l-Ħamis filgħaxija, hekk kif ġie arrestat wara sitt sigħat maħrub, hekk kif instab mistoħbi fil-ħaxix fil-Miżieb.
L-imputat ġie arrestat il-Ġimgħa ftit wara nofsillejl wara tfittxija intensiva u delikata, li inkludiet lill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Ħamis li għadda, l-Iskwadra ta’ kontra d-Droga mxew sabiex iwaqqfu lill-imputat.
Ġie spjegat kif Aidan Bartolo beda jsuq lejn il-Mellieħa, sab ruħu ma’ Pulizija mill-Ispecial Intervention Unit, li qalulu biex jieqaf u jitfi l-vettura.
Hawnhekk allegatament l-akkużat saq fuq il-Pulizija li ppruvaw iwaqqfuh, u dan imbotta diversi karozzi.
Kien hawn li l-Pulizija bdew jisparaw fuq il-vettura sabiex jitwaqqaf l-akkużat.
Minn hemm intqal li Bartolo saq one way mill-bypass tal-Mellieħa b’veloċità qawwija.
Wara li dan kiser lejn il-Miżieb, intqal li dan ħareġ mill-karozza u staħba fiż-żona, fejn instab sigħat wara.
Id-Difiża, immexxija mill-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb, sostniet li l-akkużi huma żbaljati u sostniet li l-akkuża t’attentat ta’ qtil hija sproporzjonata.
Aċċennat li l-akkużat qatt ma kellu l-ħsieb li joqtol lil xi ħadd.
Fil-Qorti ntqal kif Bartolo ntlaqat minn balla fil-pala ta’ saqajh.
Id-Difiża sostniet li l-akkużat kellu tliet feriti.
Dan hekk kif il-feriti ġew ikkawżati mill-istess balla, li laqtitu f’diversi postijiet.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat dan hekk kif għad fadal aktar investigazzjonijiet x’issir u għadhom qed jiġu identifikati xhieda pajżana li kellhom ħsarat fil-vetturi tagħhom.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi u hekk kif m’hemmx serħan il-moħħ li l-imputat se jkun konformi mal-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti.
Bartolo wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Aġġornament skont il-ħin
18:18 – Il-Qorti ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura serja tal-akkużi u hekk kif l-imputat ma joffrix serħan tal-moħħ li dan jobdi l-kundizzjonijiet li timponilu.
Id-Difiża qed titlob li l-imputat jiġi eżaminat minn tabib.
18:14 – Il-Prosekuzzjoni qed tgħid li hemm biża’ oħra ta’ intralċ t’evidenza fuq investigazzjonijiet oħra.
Id-Difiża rrispondiet billi qalet li dwar dawn l-investigazzjonijiet qiegħdin taħt il-kappa t’inkjesta Maġisterjali, u b’hekk l-evidenza hija kkonservata.
18:13 – Min-naħa l-oħra l-Prosekuzzjoni qed tgħid li din l-istqarrija ma ngħatatx taħt ġurament.
Iżżid li kieku l-Pulizija ma resqitx min-nofs u ġarrbet ġrieħi ħfief, kieku dawn kienu jittajru.
18:11 – Qiegħed jintqal kif fi stqarrija mal-Pulizija, l-imputat qal li ma kellu ebda intenzjoni li jweġġa’ lil ħadd.
18:09 – Id-Difiża qed tgħid li hemm sittax -il xhud li m’humiex membri tal-Korpi dixxipplinati. Għalhekk ingħad li m’hemmx għalfejn li l-akkużat ma jinħelisx mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ evidenza, hekk kif m’hemmx bżonn ta’ xhieda pajżana.
18:07 – Id-Difiża qed tgħid li l-akkuża ta’ attentat ta’ qtil hija diżapproprijata, hekk kif il-Pulizija ġarrbu feriti ħfief, u li l-akkużat ipprova jaħrab minn fuq il-post u mhux joqtol lill-Pulizija. Qal li l-intenzjoni tal-akkużat qatt ma kien qtil.
18:00 – Qiegħed jintqal li għad fadal aktar investigazzjoniijiet x’isiru, u għadhom qed jiġu identifikati xi xhieda pajżana li kellhom ħsarat fil-vetturi tagħhom.
17:58 – Intqal ukoll li dan ġie milqut minn balla fil-pala ta’ saqajh. Id-Difiża sostniet li dan intlaqat minn tliet balal, iżda l-Prosekuzzjoni spjegat li dawn il-feriti ġew ikkawżati mill-istess balla, li laqtitu f’diversi postijiet.
Id-Difiża qed titlob għall-ħelsien mill-arrest.
17:57 – Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
17:56 – Id-Difiża qed issostni li l-akkużi huma żballjati, hekk kif huwa impossibbli li dan jiġi akkużat b’attentat ta’ qtil u sewqan traskurat.
17:55 – Wara li dan kiser lejn il-Miżieb, intqal li dan ħareġ mill-karozza u staħba fiż-żona, fejn ġie arrestat wara sitt sigħat ta’ tfittxija hekk kif hu nstab mistoħbi fil-ħaxix.
17:53 – Intqal kif dan allegatament saq fuq il-Pulizija li ppruvaw iwaqqfuh, u mbotta diversi karozzi. Kien hawn li l-Pulizija bdew jisparaw fuq il-vettura sabiex dan jieqaf. Minn hemm huwa saq bil-kontra mill-bypass tal-Mellieħa b’veloċità qawwija.
17:52 –Fil-Qorti ntqal kif fit-2 ta’ Diċembru li għadda wara sorveljanza, l-Iskwadra ta’ kontra d-Droga mxew sabiex iwaqqfu lill-Imputat. Instema’ kif dan beda jsuq lejn il-Mellieħa, sab ruħu ma’ Pulizija mill-Iskwadra tal-Interventi Speċjali, li qalulu biex jieqaf u jitfi l-vettura.
17:40 – L-akkużat kien intbagħat il-ħabs lura fl-elfejn u sbatax, wara li ammetta li kellu wieħed u tletin pakkett ta’ kokaina u b’hekk kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti.
Fl-elfejn u għoxrin huwa nstab ħati wkoll ta’ numru ta’ serqiet li seħħu fl-elfejn u sittax.
17:33 – F’Awla 14 mistenni jidħol dalwaqt l-akkużat Aidan Bartolo mixli b’attentat ta’ qtil fost akkużi oħra. Huwa se jiġi rrappreżentat mill-avukati Franco Debono u Francesca Zarb.
Aktar Qabel
Illum għall-ħabta tal-5:00pm se jitressaq il-Qorti Aidan Bartolo ta’ 24 sena mixli fosthom b’attentat ta’ qtil.
ONE News se jkun qed jaġġorna b’mod kontinwu dwar dan il-każ mill-Qorti permezz tal-ġurnalist Matthew Farrugia li se jkun qed jaġġorna lill-qarrejja.
Bartolo qed jiġi mixli b’attentat ta’ qtil, attentat ta’ feriti gravi, li kkaġuna feriti fuq Pulizija, li saq b’mod pperikoluż, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li hu riċediv fost oħrajn
Bartolo ġie arrestat il-Ġimgħa ftit wara nofsillejl wara li għamel sitt sigħat maħrub mill-Pulizija.
Hu kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija wara li kien qed jiġi segwit b’rabta ma’ investigazzjoni dwar rejd tad-droga l-Ħamis filgħaxija.
Kif intebaħ li kien qed jiġi segwit, kien hawn li huwa saq għal fuq il-vetturi tal-Pulizija, bil-Pulizija tispara tiri fid-direzzjoni tal-karozza tat-tip Mazda Demio biex ir-raġel jitwaqqaf.
F’dan il-mument Bartolo ħareġ mill-vettura u ħarab bil-ġiri lejn il-Miżieb fejn minn hemm bdiet it-tfittxija.
Hu ġie arrestat madwar sitt sigħat wara li nstab mistoħbi qalb il-ħaxix u s-siġar.