Fl-Ingilterra u Wales l-kontijiet tal-ilma għall-konsumaturi din is-sena mistennija jogħlew b’medja ta’ £123, li hija l-ogħla żieda minn mindu seħħet il-privatizzazzjoni 36 sena ilu u aktar mis-£86 li kienu pprevedew l-Ofwat minħabba li ġiet miżjuda wkoll l-inflazzjoni.
Mill-1 ta’ April, miljuni ta’ klijenti se jaraw il-kont annwali tagħhom jitla’ minn £480 għal £603. Dan ifisser aktar problemi lill-ħafna familji li diġà qed ibatu minn nuqqas ta’ finanzi biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Jidher li l-konsumatur se jibqa’ jirċievi kontijiet dejjem jogħlew sa’ tmiem dan id-diċenju sabiex ipatti għall-programm b’investiment ta’ £104 biljun biex jindirizza n-nuqqasijiet fis-settur. Filfatt huwa previst li matul il-ħames snin li ġejjin, il-kontijiet fl-Ingilterra u Wales se jiżdiedu b’medja ta’ 36% mingħajr iż-żieda tal-inflazzjoni.