Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur. U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik, ja sultan tal-Lhud?” U bdew jagħtuh bil-ħarta. Dawn il-versi nsibuhom fl-evanġelju ta’ San Ġwann kapitlu 19 versi 2 u 3.
Hemm dokumentazzjoni li l-kuruna tax-xewk kienet ġo Ġerusalemm fis-sena 409 AD. Jingħad li din ġiet trasferita għal Konstantinopli fis-sena 1063 għalkemm jidher li ix-xewk tnaqqru u ġew ippreżentati lil diversi slaten tal-Ewropa xi żmien qabel.
Baldwinu II l-Imperatur ta ‘ Konstantinopli fis-sena 1238, offra l-kuruna tax-xewk lil Lwigi IX re ta’ Franza biex dan itieh xi tip t’għajnuna għal imperu fraġli tiegħu. Ir-re ta’ Franza mbagħad bena’ Kappella apposta għaliha. Matul ir-rivoluzzjoni Franċiża il-kuruna tax-xewk inzammet ġewwa l-Biblijoteka Nazzjonali sas-sena 1806 meta l-fdalijiet mingħajr xewk ġew iddepożitati fil-Katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi.
Tnejn mix-xewk tal-kuruna ta’ Kristu huma mizmuma b’devozzjoni qawwija: waħda fil-katedral ta’ Puglia, f’Andria u l-oħra fil-knisja ta’ San Giovani Bianco fir-regjun tal-Lombardija, fl-Italja.
Ir-relikwarju fil-knisja ta’ San Giovanni Bianco li fih xewka mill-kuruna ta’ Kristu
Fit-tarf taż-żewġ xewkiet li fihom tul ta’ bejn 7 u 8 ċentimetri hemm tbajja suwed ta’ demm. Jingħad li meta il-jum tal-Ġimgħa Mqaddsa tiġi fil-25 ta’ Marzu huwa l-jum tal-festa tal-Lunzjata, it-tbajja jbiddlu l-kulur tagħhom u jiehdu lewn aħmar filwaqt li taqtir żgħir ta’ demm jinġema’ madwar ix-xewk. Dan idum tlett ijiem u wara t-tielet jum ix-xewk jirritorna għal kif ikun qabel. Dan il-fatt ġara quddiem diversi nies li jaħilfu li ma kienx hemm xi intervent uman. L-aħħar li dan ġara kien fis-sena 2005.
Jingħad li fis-sena 2005 din ix-xewka wkoll biddlet il-wiċċ tagħha nhar is-Sibt 2 ta’ April waqt l-aħħar mumenti tal-pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu II.