Kien nhar l-4 ta’ Mejju tal-2015 meta l-Parlament Malti għamel dik imsejħa bħala l-migration u b’hekk mexa mill-Palazz tal-Gran Mastru lejn binja ġdida, għall-ewwel darba binja mibnija apposta biex tospita l-Parlament.
Għalhekk, fl-għaxar snin anniversarju minn meta seħħ dan kollu, dan l-istazzjon tkellem mal-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Anġlu Farrugia u spjegalna kif kienet saret din il-bidla.
“Kien il-House Business Committee niftakar, ta’ ftit ġranet qabel fejn ġie deċiż li l-migration mill-Palazz tal-Gran Mastru għal hawnhekk issir fl-4 ta’ Mejju tal-2015. Iż-żewġ naħat tal-Kamra, Gvern u Oppożizzjoni, qbilna u litteralment imxejna mill-Palazz tal-Gran Mastru għall-Parlament il-ġdid. Dak iż-żmien kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat u Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil. Imxejna u għamilna l-apertura tagħha għamilna l-indirizz jiena u l-President tar-Repubblika u bdejna niffunzjonaw.”
Anglu Farrugia, Speaker tal-Parlament
Minn din il-binja l-ġdida, fuq disinn tal-Perit ta’ fama internazzjoni, Renzo Piano, is-seduti tal-Parlament bdew jixxandru b’mod viżiv permezz ta’ stazzjon televiżiv u permezz tal-internet.
Il-binja tal-Parlament kienet ukoll tissibolizza l-awtonomija tal-Parlament Malti, fil-fatt wara li l-Parlament mexa f’din il-binja, l-istess Parlament kiseb l-awtonomija finanzjarja fl-2018.
Farrugia jispjega wkoll kif issarrfet din l-awtonomija.
“Imma tagħmlek iktar b’saħħtek, awtorevoli u trasparenti kif taħdem hija li aħna tlaqna mill-Palazz tal-Gran Mastru b’sitt Kumitati Parlamentari biex illum għandna sittax-il Kumitat Parlamentari.”
Anglu Farrugia, Speaker tal-Parlament
Minn din il-binja l-Parlament Malti kiteb żewġ kostituzzjonijiet għall-Commonwealth meta twaqqfet l-Assoċjazzjoni tal-Kumitati għall-Kontijiet Pubbliċi u Kostituzzjoni għall-Pajjiżi ż-Żgħar.
Apparti minn dan ix-xogħol u xogħol ieħor li jsir ta’ kuljum il-Parlament jilqa’ fi ħdanu wkoll konferenzi b’mod regolari.
“Kif dħalt hawnhekk jiena mal-ewwel ftaħtu beraħ il-Parlament. Hawnhekk isiru konferenzi b’mod regolari mill-Università, mill-istudenti, mill-anzjani, għaqdiet volontarji minn kull mingħandu inizjattiva.”
Anglu Farrugia, Speaker tal-Parlament
Fi kliem l-Ispeaker dan kollu jagħti sodisfazzjon lill-poplu Malti li għandu Parlament li jagħti kontribut f’dak kollu li jkun għaddej.
Interessanti l-fatt li l-Parlament Malti m’huwiex is-sid tal-binja minn fejn jaħdem iżda l-Parlament huwa l-inkwilin għaliex il-Parlament huwa tal-kumpanija Malita Investment plc.
“Il-Parlament iħallas ċertu ammont ta’ flus fis-sena bħal meta jiena krejt dar. S’issa l-kirjiet li ħallasna minn mindu dħalna s’issa, allura qed nitkellem fuq għaxar snin ħallasna aktar minn €28 miljun f’kera. Hija xi ħaġa qawwija però għalhekk illi imbagħad wieħed irid jara li kirja għall-inqas ikun hemm is-sodisfazzjon tagħha għaliex qed nitkellmu fuq l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”
Anglu Farrugia, Speaker tal-Parlament
L-Ispeaker qasam magħna wkoll l-ħsieb tiegħu għal liema triq għandu jimxi fiha l-Parlament fil-ġejjieni.
“Il-Parlament fil-ġejjieni huwa li jrid ikun hemm, qed nipprepara paper fuq hekk u għandha toħroġ pubblikazzjonif’għeluq l-għaxar snin mindu ilna hawnhekk flimkien mal-GHRC u oħrajn li ċertu mġieba li għaddejna f’dawn l-aħħar għaxar snin dik mhux kwistjoni li tiġi kkoreġuta, il-poplu għandu jiddeċiedi fuqha biex min m’huwiex verament onorabbli għall-Parlament m’għandux postu f’dan il-Parlament.”
Anglu Farrugia, Speaker tal-Parlament