Meta tmut l-omm imut kollox u kien hemm mumenti meta kont nitlob lil Alla jeħodni.
Hekk qalilna Charlie Borg, raġel li ltqajna miegħu għand il-Caritas fejn fl-aħħar xhur sab l-għajnuna għall-pjaga tas-solitudni.
Charlie, imwieled u mrobbi l-Belt, spjegalna kif f’temp ta’ ftit xhur tilef lil ommu u tnejn minn ħutu.
Huwa tenna, “Kont inħossni waħdi. Noqgħod indur mal-kmamar, kont ngħid, fejn huma dawk li konna niltaqgħu qabel? Kif spiċċa kollox? Possibbli m’hawn ħadd? Kont nispiċċa nitkellem waħdi, kelli ritratt t’ommi u ta’ ħuti u nitkellem magħhom nispiċċa għax ġieli tagħmel anki ofstanar ma tgħid kelma ma’ ħadd.”
Dawn iż-żminijiet ta’ festi jġibu magħhom aktar dieqa għaliex ifakkruh f’mumenti sbieħ li ma jistax jerġa’ jgħix.
Borg kompla, “Konna familja, kelli l-mamà u ħuti u per eżempju ommi kienet tiġbor lil kulħadd speċjalment f’daż-żminijiet, konna nilagħbu l-karti u nsajru u xejn, meta tmut l-omm, imut kollox.”
Ħutu mietu fl-istess xahar u kien jgħid li aħjar miet hu milli huma.
Tenna, “Kont inkun imdejjaq u kont inkun lonely, kont ngħid jien m’għandix x’nitlef imma ħuti tilfu. Eżempju n-nisa tagħhom dejjem isemmu lil missierhom. Kont ngħid jien m’għandi xejn f’ħajti.”
Wara dawn it-telfiet, Charlie tilef ukoll l-impjieg minħabba l-pandemija u aktar ingħalaq fih innifsu.
Bħal dan iż-żmien sena kien qed jara t-televixin u nzerta l-maratona tal-Caritas, fejn ra s-servizzi li joffru għal nies b’diversi sfidi.
Dakinhar ċempel u qabditu Bernardette Briffa, li hija l-Kap tas-Servizzi tal-Counselling u l-Ħidma Soċjali fi ħdan il-Caritas.
Magħna spjegat id-diversi servizzi li jingħataw kuljum, fosthom għal persuni bil-vizzji, għal nies li jkunu għaddejjin minn separazzjoni, għal żgħażagħ u adulti bi sfidi mentali u għar-romol.
Minn Jannar sa Novembru ta’ din is-sena, fittxew l-għajnuna tal-Caritas tlieta u tmenin persuna; ħamsa u tletin raġel u tmienja u erbgħin mara.
Dawn il-persuni kellhom problemi fir-relazzjonijiet, ansjetà u diversi sfidi oħra marbuta ma’ saħħa mentali.
Kien hemm disgħa u tletin fil-mija minnhom li, bħal Charlie, kienu qed ibatu s-solitudni fost sfidi oħra. Aktar minn tmienja fil-mija fittxew l-għajnuna proprju speċifikament minħabba s-solitudni.
Briffa stqarret, “Ħafna drabi n-nies jistennew li xi ħadd jiġi jħabbatlek il-bieb. Ħadd mhu ġej iħabbatlek il-bieb. Idealment, taqbad u toħroġ inti tiltaqa’ man-nies u tgħid kelma u tinduna meta toħroġ hemm barra li hemm nies oħra li qed jippassiġġaw waħedhom mela mhux int biss. Meta tkun id-dar tkun isek taħt lenti u tara lilek innifsek biss u taħseb li inti biss f’dik iċ-ċirkostanza.”
Bernardette spjegat li jkun hemm min jaqbad u jmur bla appuntament tant kemm ikun qed iħossu ħażin.
Hija tenniet, “Irridu ngħidu wkoll li hawn min jaċċetta l-għajnuna u hawn min jirreżistiha. Hemmhekk inbati jien meta nara persuna qed tirreżisti l-għajnuna li nkunu nixtiequ nagħtuha imma mbagħad at the end of the day, aħna ma nistgħux nikkmandaw lin-nies x’jagħmlu b’ħajjithom. Aħna nemmnu f’dik li ngħidulha self determination, li l-klijent jasal fejn għandu jasal għax jirrealizza li verament għandu bżonn dak li ġie jfittex.”
Wieħed minn dak li fittex l-għajnuna u ħalliet il-frott huwa Charlie, li kellu dan l-appell għal min hu għaddej minn sitwazzjonijiet diffiċli.
Borg temm jgħid, “Min hu bħali u min għaddej bħali, jekk jiġi hawnhekk il-Caritas se jsib l-għajnuna żgur mhux forsi, u bla ħlas u bla flus u b’xejn.”