Meghan Markle żvelat li kellha korriment f’Lulju li għadda u tilfet dak li kellu jkun it-tieni wild tad-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex.
F’artiklu dettaljat mimli emozzjoni, Markle tkellmet dwar it-telfa li ġarrbet ftit tax-xhur ilu.
F’dik li dehret li kienet għodwa bħall-oħrajn, Markle ħasset uġigħ qawwi fl-istonku waqt li kienet qed tbiddel lil binha.
Spjegat li waqgħet mal-art b’binha f’idejha, u bdiet tkantalu melodija ferriħija biex it-tnejn li huma jibqgħu kalmi, għaliex ħasset li xi ħaġa kienet se tmur ħażin.
“Kont naf, waqt li kelli lill-ewwel wild f’idi, li kont se nitlef lit-tieni li kelli fil-ġuf”, kitbet Markle f’artiklu mill-aktar emozzjonanti.
Spjegat li sigħat wara kienet ġo sodda fi sptar b’idejn żewġha f’idejha, flimkien iħarsu lejn il-ħitan bojod kesħin daqs is-silġ u jaħsbu dwar kif jistgħu jegħlbu dan il-mument diffiċli.