Il-Ministru Chris Cardona wieġeb għall-allegazzjonijiet li saru f’diversi mezzi tax-xandir illejla dwar allegazzjonijiet spekulattivi fil-konfront tiegħu. Fi stqarrija, il-Ministru kkwota lit-Times of Malta, li qalet b’mod ċar li
“Skont sors mgħarraf dwar l-inkjesta magisterjali, m’hemm l-ebda evidenza li torbot lil Dr Cardona mal-qtil, jew kwalunkwe mġiba ħażina”. Il-Ministru ssokta jgħid li dawn l-allegazzjonijiet huma serji mmens, ta’ dannu kbir, u fuq kollox foloz. L-istqarrija tal-Ministru qalet ukoll li l-istejjer tal-midja ppubblikati llum iħallu barra l-fatt li hu stess kien mar għand il-Pulizija ta’ Malta u ta stqarrija lill-prosekutur ewlieni. Offra wkoll d-disponibbiltà tiegħu lill-awtoritajiet biex jiċċara kwalunkwe kwistjoni li tikkonċerna l-allegazzjonijiet magħmula.
Il-Ministru Cardona appella biex jekk il-midja jkollha xi informazzjoni rilevanti li tista’ tgħin l-investigazzjoni li jgħadduha immedjatament lill-awtoritajiet aktar milli jħalluha biex tintuża f’ “rivelazzjonijiet” orkestrati.
“L-investigazzjoni tal-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia hija waħda mill-ikbar fl-istorja ġudizzjarja Maltija. Għalhekk m’għandiex tiġi mdgħajfa minn spekulazzjoni bla tmiem u innuendo minn ġurnalisti internazzjonali li qed jaqgħu fin-nasba tal-politika partiġġjana Maltija”, qal il-Ministru.
L-istqarrija tal-Ministru ntemmet b’appell lill-ġurnalisti kollha biex jikkoperaw fi sħiħ mal-pulizija jekk ikollhom xi informazzjoni li tista’ tgħin u twassal għall-ġustizzja. Huwa saħaq li se jibqa disponibbli għall-awtoritajiet f’kull ħin.