Dar li tifforma parti mir-Residenza San Vinċenz de Paul ġiet irrestawrata u nbidlet f’kumpless ta’ terapija li joffri tama ġdida għall-futur ta’ persuni ta’ kull età li jkollhom bżonn kura fit-tul.
B’investiment ta’ żewġ miljun ewro, infetħet Narċis, taqsima li tista’ tilqa’ fiha sa sittax-il resident b’dipendenza għolja, li se tiftaħ opportunitajiet ġodda għal dawn il-persuni biex jilħqu l-aspirazzjonijiet ta’ ħajjithom.
Ix-xogħol fuq il-binja beda b’restawr fuq il-faċċata biex tibqa’ tirrispetta l-karatteristiċi ta’ meta nbniet fl-aħħar tas-seklu dsatax.
Fuq ġewwa nħoloq ambjent b’kuluri vivaċi u l-kmamar huma mgħammra b’teknoloġija moderna li toffri iżjed aċċessibilità u indipendenza, fosthom b’sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali virtwali.
F’Narċis hemm ukoll gym, multi-sensory room, family unit u kmamar għall-counselling.
Matthew Dingli huwa wieħed minn dawk li bħal f’sajjetta fil-bnazzi, ġie bżonn kura fit-tul.
Qal,“Jien mort il-Libja biex naħdem, bdiet il-Gwerra, u qlajt balla f’rasi.”
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza, Dr Josianne Cutajar, spjegat li l-programm offrut lir-residenti se jmur lil hinn mit-terapija għaliex se joffri kunċetti innovattivi msejsa fuq relazzjoni b’saħħitha mal-qraba biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jaqsmu esperjenzi terapewtiċi u rikreattivi ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom.
Spjegat, “Ġon-Narċis il-programm ħa jkun wieħed komprensiv u ħolistiku. Se jkun hawn it-tim multi-dixxiplinarju u fih se jkun hawn miżuri kemm fiżiċi, psikoloġiċi, edukattivi u soċjali sabiex lir-resident nerġgħu nwassluh lura u jintegra ruħu fis-soċjetà.”
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, qal li ma kinitx tagħmel sens li f’sala waħda jkun hemm anzjani ma’ persuni li jkollhom inqas minn sittin sena, u għalhekk sar xogħol biex fl-iqsar żmien possibbli, minkejja l-isfidi tal-pandemija, jitlesta dan il-proġett għaliex il-persuni għall-kura fit-tul kien jixirqilhom aħjar.
Il-Ministru spjega li bħalissa għaddej xogħol ieħor f’San Vinċenz, primarjament biex jinħoloq ċentru ddedikat għall-kura tad-dimensja, imma mhux biss.
Qal li, “Ħa nkunu qegħdin naraw u nagħmlu l-preparamenti kollha għat-tliet iswali li baqa’ biex jiġu rinovati. Malli l-pazjenti jinħarġu minn hemmhekk fil-parti l-ġdida li qiegħda tinbena, hemmhekk jibda dan ix-xogħol li se jibda matul din is-sena u jkompli wkoll matul is-sena d-dieħla.”
https://www.one.com.mt/2021/02/03/villa-fsan-vincenz-de-paul-mibdula-fkumpless-ghal-persuni-li-jkollhom-bzonn-kura-fit-tul-3/