Il-Ħadd 26 ta’ Marzu, data li żgur il-familjari u l-ħbieb ta’ Redeemer Tesi mhux se jinsew. Iż-żagħżugħ ta’ 21 sena li lbieraħ filgħodu spiċċa vittma tat-triq. Il-kummenti fuq is-sit soċjali facebook ma waqfu xejn iżda spikka l-kumment ta’ Cesko Bonnici, li kien wieħed mill-ħbieb taż-żagħżugħ.
“Bonġu sieħbi immisjajtu l-messaġġ tiegħek ta’ kull filgħodu, kif kont inqum dejjem inqum irrankat biex nibatlek u nibdew il-ġurnata bħas-soltu, naqbdu ma’ xulxin.” – Cesko
Iżda dak li xi darba kien messaġġ tas-soltu issa nbidel f’memorja. “Illum it-tieni darba li mhux se niltaqgħu, pero jien ċert li tinsab x’imkien u qed tħarisna. Il-ġranet jgħaddu però l-memorji sbieħ li għandna flimkien qatt m’hu se ninsihom.”
Dawn il-kummenti jservu ta’ tagħlima għal kull wieħed u waħda minnha li xi kultanti bħal donnha naħsbu li l-persuni ta’ madwarna, anke aħna stess, se nibqgħu fid-dinja għal dejjem. Iżda ħadd ma kien qed joħlom jew ibassar li Redeemer kellhu jitlef ħajtu fil-karozza li tant kienet għal qalbu.
“Kont ħija li qatt ma kelli, konna l-pilastri ta’ xulxin u dejjem dorna għal xulxin meta wieħed minnha kien ikollu bżonn ta’ xi ħaġa. Hemm ħafna affarijiet sbieħ xi tgħid fuqek sieħbi, kont tifel tal-ġenn u mhux żgur hawn għaxra oħra bħalek. Żomm idejk fuqna, inħobbok re.” Hekk temmet tgħid it-tislima ta’ dieqa tal-ħabib ta’ Tesi, iżda minkejja li huwa kliem li jqanqal id-dieqa xorta waħda joħroġ is-sbuħija tal-ħbiberija.