Ġew imnedija żewġ dokumenti għall-konsultazzjoni pubblika bil-għan li jkomplu jtejbu s-settur edukattiv ta’ pajjiżna u l-kwalità ta’ edukazzjoni li tingħata lill-istudenti Maltin u Għawdxin.
Iż-żewġ konsultazzjonijiet li tnedew huma dik tal-Qafas ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u l-iStandards Nazzjonali għall-Kwalità fl-Edukazzjoni.
Is-Sinjura Denise Gatt, Direttur tad-Direttorat għall-Kwalità u l-Istandards fl-Edukazzjoni, qalet li l-Qafas ta’ Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni jqiegħed lil studenti sa 16-il sena fiċ-ċentru tal-vjaġġ edukattiv tagħhom li jsarraf f’diversi benefiċċji. Qalet li l-kwalità jeħtieġ li tiġi segwita u mtejba kontinwament u li dan jitlob għal mekkaniżmi effettivi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità fil-livelli kollha ta’ edukazzjoni.
Min naħa l-oħra, fil-konsultazzjoni dwar l-istandards Nazzjonali għall-Kwalità fl-Edukazzjoni se jiġu identifikati oqsma li jwasslu għal titjib. It-tliet oqsma ewlenin huma it-Tmexxija tal-iskola, it-Tagħlim, u l-Etos.
Flimkien dawn joffru ambjent sikur u ta’ appoġġ li jiffaċilita t-tagħlim.
“Flimkien naraw mhux biss il-kwalità ta’ tagħlim li hemm fil-klassi però wkoll dak li hemm madwar il-klassi: l-ambjent tal-iskola, il-kwalifiċi tal-għalliema – jiġifieri huwa viżjoni li tara l-kwalità b’mod ċar u b’mod ħolistiku.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li pajjiżna jemmen li t-tqegħid ta’ enfasi speċjali fuq l-inklussività u l-aċċessibilità għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd għandu jkun prinċipju ċentrali biex jiġi żgurat li l-mudell soċjali futur Ewropew jaħdem għal kulħadd.
“L-għan ewlieni wara din il-ħidma hija proprju li nassiguraw li jkun hemm standards tal-ogħla livell u, fuq kollox, ikun hemm il-kwalità fis-sistema edukattiva tagħna, u allura qegħdin naraw li jkollna prinċipji bażiċi li fuqhom wieħed jista’ jibni sistema; sistema li tassigura li t-tfal tagħna u l-istudenti tagħna jkollhom l-għodda kollha neċessarji sabiex, flimkien mal-edukaturi tagħhom, waqt il-perkors edukattiv tagħhom ikunu jistgħu jilħqu l-potezjonal u l-iżvilupp sħiħ tagħhom.”