Ġiet imnedija konsultazzjoni pubblika sat-28 ta’ Ġunju li ġej dwar strateġija ġdida għall-edukazzjoni diġitali sal-2030. Dan id-dokument qed jara pjan ħaj u tanġibbli li jirrifletti l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tal-edukazzjoni f’pajjiżna – dak ta’ dinja aktar diġitali.
Waqt tnedija uffiċjali ta’ din l-istrateġija għall-konsultazzjoni ġie spjegat li din tiddeskrivi erba’ pilastri, b’erbatax-il miżura li jiġu segwiti minn disgħa u sebgħin azzjoni li kull waħda minnhom hi mfassla biex tittrasforma l-edukazzjoni u tipprepara lill-istudenti għas-suċċess fl-era diġitali.
L-erba’ pilastri jibbażaw, fost oħrajn, fuq l-involviment tal-istudenti, tal-edukaturi, il-ġenituri u li jitjiebu r-riżorsi diġitali.
Ma’ ONE News tkellem id-Direttur inkarigat minn din l-istrateġija, Neil Attard, li qal li l-aktar ħaġa li tispikka minn din l-istrateġija hi li l-miżuri li se jiġu implimentati jolqtu lil kull persuna li għandha x’taqsam mal-qasam edukattiv f’pajjiżna.
“Naħseb l-aktar ħaġa importanti hi li fejn qabel id-diġital kien meqjus bħala ekstra, issa ħa nkunu qed noħolqu aġġornament għal-learning outcomes tas-suġġetti tagħna fejn inti ikollok tuża affarijiet diġitali biex tgħallem eżempju l-Maths, tgħallem il-Malti.”
Attard spjega li l-pass li jmiss hu l-konsultazzjoni pubblika, jiġifieri li issa se jisimgħu mingħand in-nies fejn jagħtu s-suġġerimenti tagħhom. Fil-fatt dan id-dokument se jkun disponibbli bil-Malti u bl-Ingliż fuq il-pjattaformi tal-edukazzjoni.
Minbarra hekk, ħabbar li, fil-jiem li ġejjin, se jkunu qed iħabbru aktar informazzjoni dwar is-suġġett.
“Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed inħabbru data fejn aħna se nkunu qed nistiednu, jiġifieri lin-nies, fejn jiġu jagħtu l-feedback tagħhom. Jiġifieri se jkollna panel fejn se nkunu qed nirċievu l-feedback tagħhom, nieħdu nota ta’ kollox, għax hu importanti kemm mit-teachers, kemm minn studenti, jiġifieri minn kulħadd. Fl-aħħar mill-aħħar din hi xi ħaġa għat-tfal tagħna.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima tenna li din l-istrateġija mhijiex biss dokument, imma impenn biex il-kompetenzi diġitali jkunu inkorporati fis-sistema edukattiva.
“Il-viżjoni tagħna hi li naraw u nassiguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jilħqu dak li hu l-iżvilupp sħiħ tagħhom. U allura dan jinvolvi proprju l-għoti u l-għarfien dwar il-ħiliet varji li huma neċessarji biex dawn ikunu suċċess fil-ħajja tagħhom u l-karrieri li huma jagħżlu li jagħmlu.”
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Matthew Vella, li qal li, biex tiġi żgurata l-effettività, din l-istrateġija se tiġi mmonitorjata u evalwata b’mod sistematiku.