Il-Gvern nieda konsultazzjoni pubblika dwar regolamenti ġodda għall-użu tal-ilma tal-pjan, sabiex jiddaħħlu miżuri ambjentali għall-ħarsien ta’ dan ir-riżors naturali importanti.
Dan tħabbar waqt laqgħa mal-ġurnalisti fil-preżenza tal-Ministri Miriam Dalli u Anton Refalo, li huma responabbli minn dan il-qasam fejn ġie spjegat li l-green paper li tixpruna din il-konsultazzjoni tisħaq fuq l-importanza tal-ilma tal-pjan għas-settur agrikolu.
Primarjament din tipproponi li l-bdiewa f’Malta u Għawdex jibqgħu jirċievu l-ilma meħtieġ għat-tisqija mingħajr ħlas, sakemm ma jkunx hemm ħela.
Fl-istess waqt ġie propost li jkun hemm tariffi għal dawk li jtellgħu l-ilma tal-pjan għall-użu kummerċjali jew domestiku, sabiex jiġi skoraġġut l-użu mhux sostenibbli ta’ dan ir-riżors.
Ngħataw ukoll dettalji dwar ir-regolamenti li qed jiġu proposti minn uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li wkoll għenu fit-tfassil tal-green paper.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli spjegat li l-viżjoni tal-Gvern hi li jpoġġi l-estrazzjoni tal-ilma fuq binarji sostenibbli. Sostniet li prinċipju ewlieni li tħaddan huwa li ma jinħolqux piżijiet għas-settur agrikolu, biex b’hekk kull operatur tas-settur agrikolu li bħalissa juża l-ilma tal-pjan ser jibqa’ jkollu kwota t’ilma bla ħlas. Spjegat ukoll li biex ikomplu jiġu inċentivati prattiċi sostenibbli, qed jiġi propost li dawk l-intrapriżi li jwettqu l-miżuri kollha identifikati fl-audits, jingħataw skont ta’ 25% fuq il-kont tal-estrazzjoni tal-ilma tagħhom.
Filwaqt li nnota kif kważi 80% fil-mija tal-użu privat tal-ilma tal-pjan huwa fil-qasam agrikolu, il-Ministru Anton Refalo qal li dan huwa eżerċizzju ieħor li bih il-Gvern qed juri li filwaqt li jisma’, jaġixxi. Sostna li din il-green paper tipproponi t-triq ‘il quddiem għall-użu ta’ din ir-riżorsa, primarjament mill-bdiewa Maltin u Għawdxin.
Min naħa tiegħu il-Kap Eżekuttiv tal-EWA Manuel Sapiano qal li bit-tagħrif li se jinġabar waqt il-konsultazzjoni, il-Gvern ser ikun f’pożizzjoni li jabbozza avviż legali li jirregola l-proċess tal-estrazzjoni tal-ilma tal-pjan, inkluż tariffa li tinkoraġġixxi l-użu effiċjenti ta’ dan l-ilma.
Il-Green Paper dwar ir-Regolament tal-Estrazzjoni tal-Ilma tal-Pjan tista’ tinkiseb mis-siti era.org.mt u konsultazzjoni.gov.mt.
Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa’ miftuħa sa nhar il-Ħamis, 18 ta’ Jannar 2024.