Mit-Tnejn se tiftaħ konsultazzjoni pubblika għal titjib fid-djar tal-anzjani.
F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia tħabbru l-ewwel sett ta’ standards għal servizzi residenzjali għal persuni li għandhom id-dimensja.
Il-perjodu ta’ konsultazzjoni se jkun twil sitt ġimgħat.
Il-Ministru Michael Farrguia qal dawn l-istandards se jkunu qed iwasslu għall-iżjed servizz ta’ kwalità għall-persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom, li jieħdu ħsiebhom.
Dr Farrugia qal kif f’pajjiżna huwa stmat li hawn madwar sebat elef persuna li għandhom id-dimensja u elf minnhom jinsabu f’djar tal-anzjani.
Il-Ministru Farrugia qal kif dawn l-istandards mhux se jkunu l-uniku standards li se joħorġu.
Huwa qal, “Illum nedejna l-ewwel sett ta’ standards li jolqtu lill-persuni bid-dimensja li huma residenti f’dar tal-anzjani. Fi ftit tal-ġranet oħra se nkunu qegħdin inniedu t-tieni sett ta’ standards għall-anzjani kollha li qegħdin residenti fid-djar tal-anzjani u ġewwa San Vinċenz u l-iskop huwa li ngħollu l-kwalità għaliex l-anzjani jixraqilhom l-aħjar.”
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li studju dwar il-persuna b’mod ħolistiku jfisser li wieħed jifhem kif tgħix il-persuna u xi drawwiet kellha.
Imbagħad fid-dar residenzjali li tkun fiha, il-persuna tkompli tgħix fl-istess ambjent biex ikun evalwat il-mod kif l-aħjar issir it-tranżizzjoni tal-persuna.
Intant il-Ministru żied jgħid li l-Gvern se jiftaħ żewġt idjar day-night shelters għall-persuni bid-dimensja, ġewwa l-Imtarfa u Ħal Safi.
Semma kif kien hemm ftehim mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa bl-isem ta’ iSupport, li se jfisser li qraba ta’ persuni bid-dimensja se jkunu jistgħu jingħataw it-taħriġ kif jirrelataw mal-għeżież tagħhom.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, Matthew Vella qal kif permezz ta’ dawn l-istandards, li ġew imħejja mill-Awtorità tal-Istandards tal-Ħarsien Soċjali, qed isir aċċenn fuq il-kwalità tas-servizz li jingħata.
Wieħed jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu fuq regulations.scsa@gov.mt.