Transport Malta ħabbret numru ta’ regolamenti ġodda għall-konsultazzjoni pubblika bil-għan li permezz tagħhom iżjed persuni jduru għal servizzi ta’ taxis u karozzi li jakkomodaw iżjed persuni f’daqqa minflok jużaw il-karozza personali tagħhom.
Fost it-tibdil li se jġibu dawn ir-regolamenti ladarba jidħlu fis-seħħ, hemm titjib sostanzjali fis-servizz mgħoti mix-xufiera. Dan wara li kull xufier se jkun irid ipoġġi għal kors ta’ 46 siegħa. Fir-regolamenti eżistenti xufier diġa irid ikun ta’ karattru tajjeb u jkollu kondotta nadifa biex jitħalla joffri dan is-servizz.
Ir-riforma għandha l-għan ukoll li tassigura li l-flotta ta’ karozzi wżati għas-servizz ta’ taxis u kiri ta’ vetturi tkun magħmula minn karozzi li m’ilhomx ħafna fit-toroq. Għalhekk ir-regoli qed jipproponu li vettura ma tistax tintuża bħala taxi għal iktar minn 15-il sena, filwaqt li karozzi tal-kiri ma jistax ikollhom iżjed minn 10 snin.
Bħalissa hemm irreġistrati 19-il elf karozza ma’ ‘il fuq minn 800 operatur. B’hekk ir-regolamenti se jaraw ukoll li jissimplifikaw il-ħlasijiet amministrattivi. It-tibdil se jħalli wkoll xufiera jkunu impjegati ma’ operaturi differenti. Dan filwaqt li xufier ma jistax ikun impjegat għal rasu sakemm ma jkollux il-liċenzja ta’ operatur. Liema liċenzja se tkun qed tinkorpora fiha l-garaxxijiet kollha li jkollu l-operatur.
Regola ġdida oħra se tkun li kull karozza misjuqa minn xufier trid tkun mgħammra b’apparat tat-tracking. Kull operatur se jkun mitlub iħallas mitejn ewro għal liċenzja kull sena b’kull operatur irid ikollu minimu ta’ vettura waħda. Dan mhux l-istess għal operaturi ta’ kiri ta’ karozzi fejn il-minimu ta’ karozzi li jrid ikollu huwa ta’ ħames karozzi.
Il-Ministru għat-Trasport, Ian Borg saħaq li dawn ir-regolamenti huma maħsuba sabiex jgħinu lil operaturi filwaqt li jħajru iżjed persuni jidħlu f’dan is-settur. Dan filwaqt li dan is-settur irid ikun għodda oħra sabiex innaqqsu l-użu ta’ vetturi personali u l-emmissjoni ta’ vetturi li jniġġsu. Il-konsultazzjoni pubblika se ddum miftuħa għoxrin ġurnata.