Nhar it-Tnejn 9 ta’ Ottubru se titnieda għall-konsultazzjoni pubblika dokument dwar bidliet proposti għal-liġijiet tal-Ippjanar biex meta jsir appell kontra permess ta’ żvilupp, ix-xogħol ma jkunx jista’ jibda sakemm ikun deċiż l-appell b’mod definittiv.
Dan ġie mħabbar mill-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, wara li ftit tal-ġimgħat ilu l-Kabinett approva sistema aktar ġusta fejn jidħlu l-appelli tal-ippjanar.
Il-Ministeru qal li l-għan tal-emendi proposti mill-Gvern, kemm fl-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp kif ukoll fl-Att li waqqaf it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, hu li jaraw li meta jkun hemm appell minn partijiet terzi rreġistrati jew minn awtorità esterna, li topponi permess, ikun hemm sospensjoni awtomatika tal-effettività tal-permess.
Ġirien, li jagħmlu sottomissjonijiet tagħhom fil-perjodu tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni, ukoll ikunu parti mit-terzi rreġistrati.
Preżentament, is-sospensjoni tax-xogħlijiet meta jsir appell kontra permess ta’ żvilupp, tista’ ssir biss f’ċirkostanzi limitati.
F’kummenti ma’ ONE News, il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li, b’dawn l-emendi l-ġodda, il-Gvern qed jara li, filwaqt li jkun hemm aċċess sħiħ għall-proċess ġudizzjarju, ikun hemm ukoll iċ-ċertezza dwar il-proċess tal-iżvilupp.
“Naraw li din il-bidla hekk importanti tkun qed isseħħ bl-aħjar mod possibbli. Bidla li trid tilħaq il-bilanċ bejn dawk kollha involuti, bejn in-naħa tal-applikant kif ukoll ta’ dawk it-terzi li jkunu qegħdin jopponu, biex naraw li dan il-proċess jiġi aġġornat bl-aħjar mod possibbli.”
Ġie spjegat wkoll li dawn il-bidliet ifissru investiment fl-effiċjenza tat-Tribunal u tal-Qorti tal-Appell biex l-appelli kontra permessi ta’ żvilupp jinqatgħu mimngħajr dewmien żejjed.
Il-Ministru spjega li, għal dan il-għan, deċiżjoni dwar appell kontra permess ta’ żvilupp trid tittieħed mit-Tribunal tar-Reviżjoni kif ukoll mill-Qorti tal-Appell f’perjodu ta’ żmien definit.
Intqal wkoll li l-emendi meħtieġa se jistabbilixxu timeframes li fihom iridu jittieħdu deċiżjonijiet mit-Tribunal u mill-Qorti tal-Appell.
Il-konsultazjoni pubblika u t-taħdidiet mal-istakeholders u dawk il-persuni interessati se jgħinu biex jiġu determinati l-aħjar perjodi ta’ żmien, waqt li jkun żgurat smigħ xieraq li jħares il-prinċipji tal-ġustizzja naturali.
Id-Dokument ta’ Diskussjoni jista’ jinkiseb minn https://www.gov.mt/mt/publicconsultation/Pages/2023/L-0017-2023.aspx fejn jistgħu jsiru wkoll is-sottomissjonijiet mill-pubbliku. Il-konsultazzjoni ser tiftaħ minn nhar it-Tnejn 9 ta’ Ottubru 2023 u ser tagħlaq il-Ġimgħa 3 ta’ Novembru 2023.