Il-Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, flimkien mal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, qed jippubblikaw abbozz aġġornat ta’ dokument għal konsultazzjoni pubblika, magħruf bħala “Dokument F”, li jistipula x’inhuma ir-rekwiżiti minimi biex binjiet ġodda u binjiet li jkunu qed jiġu rinovati jkunu effiċjenti fl-użu tal-enerġija.
Id-dokument il-ġdid, li qed jinħareġ għall-konsultazzjoni pubblika, se jissostitwixxi dak eżistenti u għandu jservi bħala gwida għal professjonisti, kuntratturi, u operaturi fil-qasam tal-kostruzzjoni biex jagħrfu x’inhuma l-obbligi tagħhom dwar l-effiċjenza enerġetika rikjesta.
Fi stqarrija, il-MInisteru qal li Malta hija impenjata li tilħaq il-miri Ewropej dwar it-tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju. Għaldaqstant, il-proposti f’dan id-dokument qed jindirizzaw il-miri mitluba skont il-European Green Deal u għandhom l-għan li jservu bħala gwida biex iwasslu għal binjiet b’emissjonijiet żero jew kważi żero. Dan irid isir billi jitnaqqas l-użu tal-enerġija fil-binjiet eżistenti u jiġu installati pannelli solari fuq il-binjiet ġodda kollha u ċertu binjiet li jkunu qed jiġu rinovati.
Id-“Dokument F” il-ġdid se jinkorpora sett ġdid ta’ rekwiżiti minimi ta’ effiċjenza fl-użu tal-enerġija li jridu jidħlu fis-seħħ mis-sena d-dieħla. Id-dokument propost jinsab fuq https://bca.org.mt/technical-document-f/ u https://www.gov.mt/en/publicconsultation/Pages/2023/NL-0024-2023.aspx. s-sottomissjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll permezz ta’ imejl fuq consultation.construction@gov.mt.
Il-konsultazzjoni pubblika hija miftuħa sas-26 ta’ Lulju 2023.
Ritratt: shutterstock/Olivier Le Moal